Kultura Lokali

Tara d-dawl permezz tal-pittura

Din hija Maria Elich, persuna nieqsa mid-dawl, għal ħafna snin għexet f’istituti u f’akkomodazzjoni assistita. Sakemm eventwalment skopriet l-arti.

Ix-xogħolijiet ta’ Maria Elich bħalissa qed ikunu esibiti fis-sala tal-Kunsill Lokali tal-Ħamrun u l-wirja infetħet il-Ħamis, fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali ddedikat lill-persuni b’diżabilita’. Maria sabet l-indipendenza u l-espressjoni tagħha permezz tal-arti grazzi għall-għaqda volontarja visual and non-visual network.

F’kumment ma’ Net News Maria Elich fissret x’tagħmel għaliha l-pittura, li grazzi għaliha, hi tkun qed tara.

Hi appellat lil kull min għandu xi forma ta’ diżabilita’ biex jagħmel kuraġġ u ma jiddejjaqx jipprova affarijiet ġodda li jwasslu għal iktar indipendenza

Min-naħa tiegħu, is-Sindku tal-Ħamrun Christian Sammut qal li Maria hi ta’ ispirazzjoni għal ħafna u l-komunita’ Ħamruniża tirringrazzjaha li qed tesponi l-ewwel xogħolijiet tagħha propju fil-lokalita’.

Hu qal li l-wirja se tibqa’ fis-sala tal-Kunsill sat-12 ta’ Diċembru u eventwalment se tkun esibita f’diversi spazji miftuħa u stabbilimenti fil-Ħamrun.