Lokali Qorti

Argument bejn omm u bint dwar it-tul ta’ żmien tal-ħasil tal-ħwejjeġ

Żagħżugħa ta’ 17-il sena ttellgħet il-Qorti wara argument jaħraq li kellha ma’ ommha dwar kemm kienet qed iddum biex taħslilha l-ħwejjeġ, b’riżultat li ma jkollix x’tilbes biex toħroġ ma’ sħabha.

Iż-żagħżugħa qed tkun akkużata li tat fastidju lill-ommha u ħolqot biża’ ta’ vjolenza, liema rapporti kontra t-tifla tagħha kemm-il darba saru fil-passat.

L-omm qalet fil-Qorti li dawn it-tip ta’ argumenti dejjem kienu qed jiżviluppaw wara li t-tifla tagħmel lejl barra.

Il-Maġistrat Ian Farrugia wissa lit-tifla li minkejja li qed titbissem għal dak li kien qed jintqal fil-Qorti, hi kapaċi teħel mal-10 snin ħabs jekk l-affarijiet jibqgħu sejrin għall-agħar.

Minħabba l-età tat-tifla, il-Maġistrat qal li jekk tintbagħad il-ħabs kapaċi jkollha effetti agħar u b’hekk ordna depositu ta’ €500 għal-libertà proviżorja u €500 oħra fuq garanzija personali.

Kien ordnat ukoll li t-tifla tmur tgħix għal xi żmien ma’ żitha bħala protezzjoni għall-omm. Dan filwaqt li ngħatat ħin sa x’ħin tista’ tkun barra mid-dar u tiġi arrestata minnufih jekk taqbeż il-ħin mgħoti lilha.