Internazzjonali

Awstrija: Eks Ministru tal-Finanzi jeħel tmien snin ħabs għal korruzzjoni

Qorti fi Vienna, ftit tal-ħin ilu, ikkundannat lill-eks Ministru Awstrijak għall-Finanzi. Karl-Henz Grasser, għal tmien snin ħabs dwar korruzzjoni.

Il-proċess ta’ Grasser — magħruf bħala bniedem estrovert u li għandu reputazzjoni ta’ jet-setter — kien l-akbar wieħed li jitratta l-korruzzoni f’dan il-pajjiż mit-Tieni Gwerra ‘il hawn.

Dan meta hu instab ħati dwar abbuż ta’ poter u sehem f’sistema li permettiet ħlasijiet illegali ta’ flus minn taħt u li kienu jammontaw għal 9.6 miljun ewro. Ir-reat kien konness mal-bejgħ ta’ appartamenti li kienu proprjetà tal-Istat.

Waqt il-proċess tal-qorti, imputat ieħor fil-każ ( li kien il-‘best man’ fit-tieġ ta’ Grasser) ammetta li kien għadda informazzjoni klassifikata b’mod illegali u li permettiet biex konsorzju partikulari jixtri mas-60,000 appartament tal-Gvern għal 961 miljun ewro.

L-offerta ssuperat l-offerta rivali b’miljun ewro — u tliet snin biss wara, il-konsorzju partikulari rdoppja l-valur tal-appartamenti li kien xtara.

Grasser, bħala Ministru tal-Finanzi, kien iddeċieda li jbiegħ l-appartamenti waqt li kien jaf id-dettalji tal-offerti. Intant hu u persuni oħra li wkoll tressqu l-qorti b’konnessjoni mal-każ, irċevew mad-9.6 miljun ewro bħala ‘kickbacks’.

Waqt li qrat il-verdett, l-Imħallef Marion Hohenecker qalet li ‘Karl-Henz Grasser biss seta’ għadda l-informazzjoni lill-konsorzju li kellu l-offerta aċċettata’ f’dawk iċ-ċirkustanzi.