Internazzjonali

Brexit: Tkompli l-fażi li jmiss tat-taħditiet kummerċjali

Ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea qed ikomplu bl-aħħar fażi tat-taħditiet għal ftehim kummerċjali ta’ wara Brexit – u ladarba l-Britanniċi  jinħallu, uffiċjalment, mir-regoli kollha tal-Unjoni wara l-31 ta’ Diċembru.

Madankollu, iż-żmien qed jagħfas għal ftehim, bis-sorsi f’Londra jgħidu li ‘qed jonqsu l-prospetti għal xi żblokk fis-sitwazzjoni’.

Dan waqt li l-Britanniċi qed jakkużaw lill-UE b’li qed tinsisti b’domandi ġodda dwar ir-regoli relatati għall-kummerċ – bl-Unjoni qed tiċħad li dan hu minnu.

Min-naħa tiegħu, in-negozjatur ewlieni tal-UE, Michel Barnier, fisser din il-fażi tad-djalogu bħala ‘mill-aktar importanti’.

Ir-Renju Unit u l-UE, intant, qegħdin jippruvaw jaslu fi qbil u jirratifikaw kwalunkwe ftehim kummerċjali sal-aħħar tas-sena, meta mistennija jiskadu l-liġijiet attwali li jirregolaw il-kummerċ bejn Londra u l-Unjoni.