Sport

Christian Micallef elett Chairperson ġdid ta’ Tim Sport Partit Nazzjonalista

Il-bieraħ il-Ħamis, 3 ta’ Diċembru, kien elett eżekuttiv ġdid tal-fergħa l-ġdida tal-Partit Nazzjonalista, Tim Sport Partit Nazzjonalista, laqgħa ġenerali annwali storika, kemm għall-istess fergħa kif ukoll għall-Partit. Dan għaliex wara l-aħħar bidliet li saru fl-istatut tal-PN, TSPN saret fergħa tal-Partit b’rappreżentanza fl-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, l-istess bħal m’għandhom il-fergħat l-oħra tal-Partit.

Robbie Ebejer matħur President Onorarju ta’ TSPN

Waqt din l-AĠM, Christian Micallef kien maħtur President/Chairperson ta’ TSPN, u b’hekk jieħu post l-amministratur veteran sportiv, Robbie Ebejer li serva f’din il-kariga b’impenn u dedikazzjoni għal dawn l-aħħar snin. Ebejer se jibqa’ jifforma parti mill-ħidma tat-TSPN, billi fuq proponiment ta’ Micallef, Ebejer inħatar bħala l-ewwel President Onorarju ta’ TSPN.

Waqt din il-laqgħa, li tmexxiet mill-President tal-Eżekuttiv tal-PN, Dr Alex Perici Calascione, kien hemm diskorsi mill-Kap tal-Partit, Dr Bernard Grech, mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit, Dr Francis Zammit Dimech, mill-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-iSport u fundatur tal-istess TSPN, Robert Cutajar kif ukoll  mis-Segretarju Eżekuttiv Organizzattiv tal-Partit, Michael Piccinino. Tkellem ukoll iċ-Chairman uxxenti, Robbie Ebejer fejn ippropona lil Micallef bħala s-suċċessur tiegħu, liema proposta kienet milqugħa b’mod unanimu mill-membri kollha tal-eżekuttiv il-ġdid ta’ TSPN, li se jkun qed jaħdem għal terminu ta’ sentejn.

Permezz ta’ din il-fergħa l-ġdida, TSPN se jkun qed jaħdem fuq it-tfassil ta’ strateġija politika għall-isport f’Malta

Fl-ewwel diskors tiegħu bħala Chairperson ġdid ta’ din il-fergħa sportiva, Micallef irringrazzja lill-membri tal-eżekuttiv tal-fiduċja li qed juru fiħ, partikolarment lil Ebejer, u filwaqt li saħaq li kien qed jaċċetta b’umilta din is-sejħa politika li kienet qed issir lilu mill-Partit, wiegħed li kien se jkun qiegħed jimpenja lilu nnifsu bl-aħjar mod possibli biex permezz ta’ din il-fergħa, il-PN ikompli ssaħħaħ ir-relazzjoni tiegħu mal-assoċjazzjonijiet, l-għaqdiet, amministraturi, atleti u dawk kollha li b’xi mod huma parti mill-familja sportiva f’Malta.

Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun qed jalloka Ministeru għall-iSport. Din il-wegħdha waħedha tikkonferma l-impenn u s-serjeta li l-PN qed jagħti lejn l-isport f’Malta.

Iżda mhux biss. Micallef tenna li din il-ħatra hija l-bidu ta’ mixja politika sportiva għall-PN, biex flimkien mal-familja sportiva lokali, il-PN jippreżenta strateġija politika għall-iSport f’Malta li permezz tagħha, kull sportiv u sportiva f’Malta, iħares lejn il-PN bħala l-Partit tal-iSport. Kien hawnhekk fejn Micallef fakkar fil-wegħdha tal-PN, li reġgħet kienet ikkonfermata mill-istess Kap waqt l-intervent tiegħu, li Gvern ġdid Nazzjonalista, se jkun qed jalloka Ministeru għall-iSport; għal kontra ta’ dak li b’mod ripetut qed jibqa’ jagħmel il-Gvern tal-ġurnata, li re-shuffle wara l-oħra ħalla l-iSport f’pajjiżna f’livell ta’ Segretarjat Parlamentari.

Uċuħ ġodda u ta’ isem fl-iSport se jiffurmaw parti mill-eżekuttiv il-ġdid ta’ TSPN

Micallef qal ukoll li l-eżekuttiv il-ġdid ta’ TSPN, jirrapreżenta kontinwitá u tiġdid, bl-inklużżjoni ta’ nies ġodda u li għandhom kontribut kbir x’joffru lill-isport f’pajjiżna, inkluż fit-tfassil tal-istrateġija politika ta’ pajjiżna għall-iSport. Appart l-istess Micallef, li hu wiċċ ġdid għal dan l-eżekuttiv, iżda żgur mhux fil-qasam sportiv lokali, bl-involviment tiegħu għal dawn l-aħħar 20 sena u aktar fil-ġurnaliżmu sportiv, il-PN permezz ta’ TSPN, issa se jkollu s-sehem ta’ sportivi b’CV mill-aqwa.

Fost l-ismijiet il-ġodda f’dan l-eżekuttiv, hemm il-captain tat-tim nazzjonali Malti tal-waterpolo, Stevie Camilleri, li għal dawn l-aħħar snin lagħab professjonalment fl-Italja u għadu jilgħab fuq livell professjonali sal-lum, kemm f’Malta kif ukoll fl-Italja. Flimkien miegħu, u li ġej ukoll mill-kamp tal-waterpolo, hemm ukoll wieħed mill-fundaturi u President attwali tal-klabb ta’ Exiles, l-ispiżjar Andrew Paris.

L-eks atleta u rebbieħa tal-iSportiva tas-Sena 2001, Maria Mifsud Bonnici ukoll se tkun qed tifforma parti minn dan l-eżekuttiv. Mifsud Bonnici kienet atleta mill-aqwa u champion nazzjonali tat-triathlon u duathlon. L-għalliem tas-sekondarja kif ukoll ġurnalist sportiv, Roderick Vella ukoll hu wiċċ magħruf fl-isport iżda wiċċ ġdid f’dan l-eżekuttiv ta’ TSPN.

Dawn se jkunu qed jingħaqdu ukoll ma’ Dr Robert Dingli, li se jkun qed iservi bħala Viċi President, Paula Briffa li kienet konfermata bħala Segretarja tal-fergħa, Joe Debono, Antoine Attard, Andre Muscat, Jordi Farrugia u Nathan Galea li reġgħu se jkunu qed jagħtu s-sehem tagħhom fl-eżekuttiv ta’ TSPN. Flimkien magħhom, issa fir-rwol ta’ President Onorarju tal-fergħa, hemm ukoll Robbie Ebejer.

Intant iċ-Chairperson il-ġdid, Micallef se jkun wieħed miż-żewġ rappreżentanti ta’ TSPN, fl-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista. Micallef, li serva bħala Sindku tal-Belt Valletta u llum hu minority leader f’isem il-PN fl-istess lokalitá, se jkun qed jifforma parti minn l-eżekuttiv tal-Partit għall-ewwel darba.