Internazzjonali

Covid-19: L-Italja tipprojbixxi l-ivvjaġġar bejn ir-reġjuni waqt il-btajjel tal-Milied

L-awtoritajiet fl-Italja mhumiex jippermettu li n-nies jivvjaġġaw bejn ir-reġjuni tal-pajjiż – bid-direttiva tapplika mill-21 ta’ Diċembru sas-6 ta’ Jannar li ġej. Din hi miżura stretta oħra relatata mal-istrateġija nazzjonali għall-kontroll tal-infezzjonijiet bil-Covid-19 waqt il-btajjel tal-Milied. L-awtoritajiet, f’dan il-perjodu, se jinfurzaw ukoll curfew li jkun effettiv bejn l-10 pm u l-5 am.

Filwaqt li r-ristoranti se jkunu permessi li jiftħu f’xi reġjuni dawn iridu jagħlqu kollha sas-6 pm – bir-ristoranti fil-partijiet l-oħra tal-Italja jistgħu jagħtu biss servizz ta’ takeaway. Intant, iz-zoni u l-kumplessi li s-soltu jkunu mimlijin bid-dilettanti tal-isport tax-xitwa se jibqgħu magħluqin sas-7 ta’ Jannar.

L-Italja, sadanittant, ħabbret l-akbar ċifra ta’ mejtin (993) mill-coronavirus għal ġurnata waħda mill-bidu tal-pandemija ‘il hawn.

Il-Prim Ministru Taljan, Giuseppe Conte, waqt konferenza tal-aħbarijiet, insista bl-importanza li ‘il-poplu ma jittraskurax f’dan iż-żmien mill-aktar delikat’ waqt li saħaq li l-pajjiż jeħtieġ jagħmel minn kollox biex jelimina s-sogru ta’ tielet mewġa tal-coronavirus li jista’ anki jseħħ mix-xahar id-dieħel.

Fl-istess ħin, mistennija jingħataw eċċezzjonijiet lill-persuni li jkunu jridu jivvjaġġaw minħabba x-xogħol jew għal raġunijiet mediċi u emerġenzi oħra.

Iżda minbarra l-projbizzjoni għall-ivvjaġġar bejn ir-reġjuni, il-maġġoranza assoluta tat-Taljani mhumiex se jkunu permessi li joħorġu mill-ibliet u l-villaġġi tagħhom għal Jum il-Milied, Boxing Day u Jum l-Ewwel tas-Sena.

Il-kontrolli ġodda  qed ikunu kritikati mill-awtoritajiet reġjonali li akkużaw lill-Gvern ċentrali b’nuqqas ta’ konsultazzjoni (magħhom) . Huma ħarġu stqarrija fejn qalu li ‘in-nuqqas ta’ taħditiet għamilha impossibbli biex l-istess awtoritajiet reġjonali jibbilanċjaw ir-restrizzjonijiet mal-ħteġiet tal-familji’.

S’issa, fl-Italja, mietu ‘il fuq minn 58,000 bil-Covid-19 – u meta qabel il-Ħamis, ir-rekord tal-imwiet għal jum wieħed kien ta’ 969; irreġistrat fis-27 ta’ Marzu.