Lokali

Iweġġa’ gravi wara li baqa’ dieħel f’siġra

Raġel ta’ 44 sena minn Marsaskala, kellu jittieħed għall-kura fl-Isptar Mater Dei għal ġrieħi li ġarrab f’inċident tat-traffiku f’Bormla.

L-inċident seħħ ilbieraħ filgħaxija għall-ħabta tal-ħdax u kwart fi Triq
San Nikola.

Minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li r-raġel tilef il-kontroll tal-vettura tiegħu tal-għamla Citroen u daħal f’siġra.

Il-membri tal-Protezzjoni Ċivili marru minnufih fuq il-post sabiex jassistuh. Hu ngħata l-ewwel għajnuna minn tim mediku u ttieħed b’ambulanza l-isptar fejn ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.