Futbol Sport

Jispikka d-derby bejn Valletta u Floriana

(Ritratt: Trevor Sollars)

Fi tmiem il-ġimgħa jirritorna l-Kampjonat BOV Premier bl-għaxar ġurnata fejn jispikka d-derby ta’ nahr il-Ħadd bejn Valletta u Floriana.

Id-derby bejn Valletta u Floriana se tkun l-ewwel waħda fit-tmexxija ta’ Valletta għal Gilbert Agius li sar il-kowċ interim tat-tim wara r-riżenja ta’ Jesmond Zerafa wara t-telfa ta’ tmiem il-ġimgħa li għaddiet kontra Tarxien Rainbows. Floriana se jkunu qed ifittxu li jirritornaw għar-rebħ wara t-telfa fi tmiem il-ġimgħa kontra Mosta ta’ 2-0.


Il-leaders Sliema Wanderers jilgħabu kontra Żejtun Corinthians f’partita li tista’ tkun diffiċli għal Sliema minħabba li Żejtun jistgħu jkunu perikolużi permezz tal-barranin tagħhom minkejja li fl-aħħar partita tilfu 4-0 kontra Ħamrun. Rebħa għal Sliema tfisser li jsaħħu posthom fil-quċċata tal-klassifika wara r-rebħa li kisbu fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet fuq Lija.


Santa Lucia se jkunu qed jittamaw li jiksbu riżultat ieħor pożittiv wara d-draw li kisbu kontra Gżira United fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet meta jilgħabu kontra Hibernians. Għal Hibernians din se tkun partita importanti sabiex jibqgħu mat-timijiet li jinsabu fin-naħa ta’ fuq tal-klassifika.

Gżira United jilgħabu kontra Sirens f’partita li għaż-żewġ timijiet hija importanti hekk kif Gżira jinsabu fin-naħa ta’ fuq tal-klassifika filwaqt li Sirens jinsabu fin-naħa t’isfel.


Ħamrun Spartans jilgħabu kontra Lija Athletic f’partita li tista’ tpoġġi lil Ħamrun temporarjament fil-quċċata tal-klassifika. Ħamrun jidher li se jkunu wieħed mill-isfidanti ewlenin għar-rebħ tal-kampjonat dan l-istaġun u żgur li ma jistgħu ifallu punti f’dan il-konfront. Min naħa tagħhom Lija ilhom ma jirbħu ħames partiti minkejja l-bidu pożittiv li kellhom.

Birkirkara jilgħabu kontra Senglea Athletic, b’Birkirkara kisbu żewġ rebħiet konsekuttivi minn meta rritornaw wara l-waqfa li kellhom minħabba l-pandemija tal-coronavirus b’Senglea jiksbu t-tieni punt tagħhom f’dan l-istaġun fl-aħħar partita tagħhom kontra Balzan.


Konfront ieħor interessanti jkun dak bejn Gudja United u Balzan fejn rebħa għal Balzan tfisser li jilħqu lil Gudja bl-istess ammont ta’ punti filwaqt li rebħa għal Gudja tkompli ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Gudja wara l-bidu tajjeb li kellhom għal dan l-istaġun.

KAMPJONAT BOV PREMIER
Logħob li jmiss: Illum
: Centenary Stadium: Lija A. v Ħamrun S. 5.00pm, Gudja U. v Balzan 9.15pm Għada: Hibernians Stadium: Santa Lucia v Hibernians 2.00pm, Sirens v Gżira U. 6.15pm Centenary Stadium: Mosta v Tarxien R. 2.00pm, Żejtun C. v Sliema W. 6.15pm Il-Ħadd: Stadium Nazzjonali: Valletta v Floriana 2.00pm, Senglea A. v Birkirkara 6.15pm