Internazzjonali

Kanada: Possibbiltà li l-Kap tal-Finanzi tal-Huawei tirritorna lejn iċ-Ċina

L-istampa fl-Istati Uniti indikat li d-Dipartiment Amerikan tal-Ġustizzja qed jiddiskuti l-possibbiltà li l-Kap Finanzjarju tal-kumpanija tat-teknoloġika Ċiniża Huawei tirritorna lura fiċ-Ċina mill-Kanada, fejn kienet spiċċat arrestata fl-2018.

Skont il-Wall Street Journal, jekk kemm il-darba l-partijiet jaslu għal xi forma ta’ ftehim, Meng Wanzhou, bħala l-Kap tal-Finanzi ta’ din il-kumpanija multinazzjonali, ikollha tammetti għal sehem f’aġir illegali — u meta l-Istati Uniti qed takkużaha dwar allegat abbuż tas-sanzjonijiet kontra l-Iran.

Meng Wanzhou kienet arrestata sentejn ilu waqt li kienet qed tistenna biex taqbad ajruplan minn Vancouver ,fil-Kanada.

L-arrest tagħha kien seħħ fuq mandat speċifiku tal-Amerikani u meta l-Kap Finanzjarju tal-Huawei ilha dan iż-żmien kollu tiġġieled l-estradizzjoni lejn l-Istati Uniti bil-ħsieb li hi tgħaddi minn proċess tal-qorti.

Fil-preżent, Meng Wanzhou qed tgħix fil-belt ta’ Vancouver (fejn għandha residenza) iżda ma tista’ tmur imkien ieħor minħabba l-kundizzjonijiet ta’ ftehim għal libertà proviżorja.

In-negozjati bejn l-avukati ta’Meng u d-Dipartiment Amerikan tal-Ġustizzja, intant, jidhru li ħadu spinta wara l-elezzjoni tax-xahar li għadda għall-Presidenza tal-Istati Uniti li qed tidher li ntrebħet mill-kandidat tal-Partit Demokratiku, Joe Biden.

Min-naħa tagħha, Meng Wanzhou – minkejja l-akkużi tal-Amerikani — ma temminx ‘li għamlet xi ħaġa ħażina’. Numru ta’ rapporti fil-fatt tennew li hi mhix ħerqana li toħroġ b’forma ta’ ammissjoni ‘li ma taħsibx li tirrifletti tassew il-verità tas-sitwazzjoni’.