Lokali Qorti

Joseph Muscat jgħid li hu rriżenja għax ġie arrestat Keith Schembri u li għad baqalu aktar żrar fiż-żarbun

Joseph Muscat qal li huwa rriżenja minn Prim Ministru għax ġie arrestat iċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri. Qal li ma qabilx dwar dak li għamel. “Seta’ għamel kollox skont dak li qalulu l-Avukati jew esperti finanzjarji imma politikament kienet deċiżjoni ħażina.

Meta xehed għal ħames sigħat sħaħ quddiem il-Bord ta’ Inkjesta dwar il-famuża frażi ”żrara fiż-żarbun” fejn ġie mistoqsi x’ried jgħid b’dan il-kumment – Muscat qal li għad baqalu ħafna minnhom. Qal ukoll li għall-festin ta’ għeluq sninu fi Frar tal-2019 fil-Girgenti, kien hemm negozjanti oħra apparti Yorgen Fenech.

Mistoqsi mill-Bord jekk Keith Schembri li kien ħabib kbir ta’ Yorgen Fenech kienx attenda laqgħat mal-Servizzi tas-Sigurta sal-aħħar, t-tweġiba ta’ Muscat kienet – “Nippreferi nwieġeb għal dan fil-magħluq.”

L-Avukat Comodini Cachia riedet tkun taf jekk Muscat kienx staqsa lil Schembri li kellu 17 Black. Ix-xhud wieħeb fin-negattiv pero Keith Schembri qallu li kien relatat ma’ negozju komuni u xejn x’jaqsam ma’ Electrogas.”

Dwar il-fatt li huwa ħalla l-kariga ta’ Prim Minisru, tenna li xorta waħda kien deċiż li jitlaq peress li jaqbel mas-sistema Amerikana li jagħmel biss żewġ termini. “Stajt ndum ftit aktar jew ftit anqas.”

Fix-xhieda tiegħu qal “iltqajt ma’ Yorgen Fenech fl-ewwel parti tal-2008. Kien Lino Spiteri li kien avviċina lili u staqsieni jekk hux interessat li niltaqa’ mal-familja Fenech. Dan għaliex dawn kienu qegħdin jitbegħdu mill-Partit Laburista. Iva kont naf lil Yorgen Fenech. Kont nibgħatlu messaġġi, bħalma għamilt lil mijiet ta’ nies oħra.

“Iltqajt miegħu f’okkażjonijiet. bejn tmienja u 10 darbiet.

Kont naf li kien ħabib taċ-chief of staff tiegħi Keith Schembri. L-ewwel darba li ltqajt miegħu kien hemm Keith Schembri preżenti u kien qed jitkellem miegħu u qal li huma ħbieb mit-tfulija.

“Darba iva ltaqjt ma’ Melvin Theuma u dan kien inkontru interessanti ħafna … kien il-Milied tal-2018 fejn il-pubbliku kien jiġu jsellmuli. Ftit tal-jiem qabel, is-Servizzi tas-Sigurtà qaluli li kienu rintraċċaw telefonata tiegħu fejn dan kien se jibbukkja biex jieħu ritratt miegħi f’dik id-data.

“Jien għedtilhom biex jurinu min hu peress li ma kellix idea min hu. Kien hemm xi 300 jew 400 persuna. Dak li xxokkjatni kien li eżatt wara Theuma kien hemm tfajla li qaltli x’se nagħmlu dwar Vince Muscat. Staqsejtha lil min, u qalet ‘il-Koħħu’, u din kienet bintu. Infurmajt lis-servizzi tas-sigurtà u waqqaft kollox.

“Ma kontx viċin biss tan-negozjanti li ssemmew, imma kont viċin tagħhom kollha. Grazzi għal dan salvajt eluf ta’ impjiegi u m’għandhiex minn xhiex nistħi. Dwar-17 Black kont għedt lil Keith Schembri biex jgħid dak kollu li jaf lill-awtoritajiet”. Dan kompla jixhdu l-eks Prim Ministru Joseph Muscat fl-Inkjesta Daphne Caruana Galizia.

Fuq mistoqsija tal-Bord lil Muscat għalfejn ittardja biex jieħu xi azzjoni meta ħarġu l-leaks fil-Panama Papers. Huwa ammetta li seta’ ħa azzjoni aktar deċiżiva iżda jgħid li l-informazzjoni daħlet f’qatgħat.

L-eks Prim Imħallef Joseph Said Pullicino qalluli l-Ministri tiegħu qalulhom li kienu tawh parir biex ineħħi lil Konrad Mizzi u Keith Schembri u li dan ma sarx.

“Dak li ddiskutejt mal-Ministri tiegħi jibqa’ privat. Imma hawn għandna bażi komuni. Jista’ jkun li għamilt ġudizzju politiku ħażin. Hawnhekk naqbel miegħek,” huwa qal lill-Imħallfin.

Joseph Muscat jikkritika bil-qawwa l-mod kif qed titmexxa l-inkjesta

Ftit wara li tela’ fuq il-pedana tax-xhieda Joseph Muscat qal li l-Inkjesta Pubblika mhux qed jimxi skont it-termini ta’ referenza li talabha hu biex tagħmel dak li huwa talabha meta kien Prim Ministru.

“Dawn it-termini ta’ referenza saru wara laqgħat twal mal-familja Caruana Galizia u r-rappreżentanti tagħhom għax ridt li l-affarijiet isiru sew … Bir-rispett kollu, minn dak li rajt fil-midja, il-mistoqsijiet ftit kellhom x’jaqsmu mal- termini ta ‘referenza … jidher li huwa eżerċizzju ta’ kurżità.

“Fl-agħar każ din l-inkjesta marret għall-agħar f’eżerċizzju politiku. Qed tfalli miserabbilment, għax l-inkjesta kellha tiffoka fuq l-Istat u mhux fuq il-gvern preżenti. “

Muscat qal dan meta qara minn stqarrija fejn ilmenta li ma kien hemm l-ebda skrutinju fuq Gvernijiet preċedenti, u żied li d-data tal-2013 kienet arbitrarja. Muscat qal li Daphne Caruana Galizia kienet qed tiskrutinja wkoll l-Oppożizzjoni fl-aħħar sitt xhur ta’ ħajjitha. “X’ġara mill-investigazzjoni ta ‘dan l-aspett?” huwa staqsa.

“L-investigazzjoni qed tistona, f’ħafna aspetti, qal Muscat. “Minn dak li rajt fl-istampa, ftit kien mistoqsi dwar kif il-mewt tagħha setgħet tiġi evitata. Ħa nkun ċar, ma kelli l-ebda informazzjoni dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, u wisq inqas li jista’ jiġi evitat,” kompla jgħid u tenna li fl-opinjoni tiegħu l-mara nqatlet meta saret irrelevanti.

Muscat qal li fl-aħħar 40 sena kien hemm 140 każ ta’ tqegħid ta’ bombi. “Kemm ġew solvuti? Waħda, din, ” huwa qal dan b’referenza għall-karozza bomba li qatlet lil Caruana Galizia. “L-impunità kienet il-139 każ l-ieħor mhux solvuti,” huwa tenna.

Il-Gvern ħa l-akbar pass kontra l-impunità billi neħħa l-limitu ta’ żmien dwar każijiet ta’ korruzzjoni minn politiċi u nies f’karigi pubbliċi kompla jgħid Muscat.

L-eks Prim Ministru qal li ħalla mijiet ta’ kummenti libelluzi għax jemmen fil-libertà tal-espressjoni. “Jiena ppreżentajt tliet libelli biss. Waħda meta ġejt akkużat li għidt li se niffriża l-paga minima, it-tieni meta ntqal li se nieħu l-flus mill-passaporti u t-tielet okkażjoni kienet tikkonċerna l-allegazzjoni Egrant, li kienet mitmugħa lil Daphne Caruana Galizia, ” huwa qal.

Muscat kompla jikkritika l-inkjesta, u qal li injorat kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-ġurnalisti. Tenna li fl-2000, Frans Ghirxi li kien editur tal-Orizzont, li kellu bomba mqiegħda barra d-dar tiegħu, wara kien hemm l-attakki ta’ ħruq fuq id-djar ta’ Daphne Caruana Galizia u Saviour Balzan. Kienet waħda mill-ftit drabi li tkellimt magħha … kien hemm impunità f’dawn il-każijiet? ” huwa qal.

Muscat qal li l-qtil ta’ Caruana Galizia waqqa’ l-affarijiet tajbin kollha li għamel. “Mill-bidu għidt li ridt nagħmel żewġ mandati bħala Prim Ministru,” qal ukoll Muscat.

Huwa kompla jgħid li l-mod kif saret l-inkjesta ddgħajjef il-kredibilità tagħha. Huwa kkritika ukoll lill-Avukat Ġenerali u lill-Avukat tal-Istat għar- “rwol ultra-passiv” tagħhom fis-seduti. “Min jokkupa dawn l-uffiċċji għandu d-dmir li jagħti aktar kredibilità lill-inkjesta. Dan juri nuqqas ta ’karattru …”

L-Imħallef emeritu Michael Mallia staqsa lil Muscat dwar Glenn Bedingfield u l-blog tiegħu. “Kont taf b’dawn il-blogs li kienu qed isiru minn nies fl-OPM?”

Muscat qal li din il-mistoqsija mhijiex rilevanti, imma kien lest li jwieġeb xorta waħda. Qal li Daphne Caruana Galizia kienet tvarja minn ġurnaliżmu ta’ klassi mondjali għal ħmerijiet żgħar dwaru u dwar uliedu.

Tenna li kienet toħroġ ħafna gossip dwaru fejn kitbet dwaru eluf ta’ drabi. L-ewwel darba li semmiha b’isimha kienet fil-parlament wara l-qtil tagħha. “Kienet tħobb tikteb dwari minn qabel ma sirt kap tal-Oppożizzjoni. Hija anke sejħitli l-pudell ta’ Alfred Sant.

Qal li m’għandu l-ebda problema dwar dan. “Fil-ħajja pubblika, għandek tieħu kritika. Din hija karatteristika importanti. Reżiljenza. Bħal boxer taqla’ fik huwa qal.

Hawn huwa skużza lil Glenn Bedingfield għal mod kif kien qed jikteb għax huwa annimal politiku. Qal li kemm il-darba qallu biex ma jinvolvix ruħu f’dawn il-kwistjonijiet, imma hu kien jgħidlu ‘m’għandix dritt inwieġeb.

Sostna Muscat li qatt ma rreaġixxa fuq dak li kien joħroġ fuqu għax jemmen fil-libertà tal-espressjoni. Imbagħad dan inbidel fuq il-kumpanija Egrant, li ma kinitx tiegħu imma ta’ martu Michelle.

Qal li l-ewwel darba li semagħha daħak. Staqsejtha u qalet li ma fetħet l-ebda kumpanija. Jekk kien hemm uqija tal-verità qal li kien lest li jirriżenja. Huwa qal li kien hemm każijiet oħra ta’ Ministri li kienu qed jaffaċċjaw akkużi, speċjalment Manuel Mallia u Michael Falzon. “Jekk inħares lura u b’id fuq qalbi naħseb li żbaljajt fuq it-tnejn.”

Huwa saħaq li każ ieħor jikkonċerna l-eks Ministru tal-Edukazzjoni, b’referenza għal Evarist Bartolo, li kien għaddej taħt nvestigazzjoni oħra li tikkonċerna lill-eks kap tal-personali tiegħu dwar allegati kickbacks.

Dwar dik l-inkjesta naħseb li huwa l-interess għall-Bord li jkun taf ir-riżultati. “Nixtieq inkun naf jekk Keith Schembri ħax xi kickbacks, in-nies kollha għandhom id-dritt li jkunu jafu.

Muscat qal li l-Istat ma kellu l-ebda għarfien li Caruana Galizia kienet se tinqatel. Wara li ħarġu l-Panama Papers, huwa qal li neħħa lil Konrad Mizzi mill-portafoll tiegħu u bħala deputat mexxej tal-Partit Laburista. Muscat ordna wkoll verifika, minkejja l-impressjoni mogħtija li ma ttieħdu l-ebda passi.

Għalkemm ma kellu l-ebda sfond legali, Muscat jgħid li jara l-affarijiet minn perspettiva loġika. “Il-Panama Papers wasslu għal sitwazzjoni fejn ingħad li ma ttieħdux passi u Caruana Galizia nqatlet minħabba dak li kellha tiżvela dwar l-Electrogas u l-bqija.

Dak hu il-linja tal-ħsieb. Iżda l-proċeduri għadhom għaddejjin u l-mottiv għadu mhux magħruf. Ix-xogħol ta’ din l-inkjesta jista’ jitqies bħala li jippreġudika dan ix-xogħol u l-investigazzjonijiet, huwa jakkuża.

Dwar il-Panama Papers ħalla kollox f’idejn l-AĠ

Muscat huwa mistoqsi jekk kienx jaf bil-konklużjonijiet tal-FIAU dwar il-Panama Papers, 17 Black u l-bqija. “Kellna l-AG Peter Grech jgħid lill-Investigaturi biex jimxu b’attenzjoni, kien hemm nuqqas ta’ azzjoni mill-awtoritajiet meta r-rapporti kienu fl-idejn setgħu wasslu għal din is-sitwazzjoni,” qal l-Imħallef Mallia.

Muscat qal li spiss kellu diskussjonijiet mal-AG iżda ma kellu l-ebda rwol fid-deċiżjonijiet tiegħu. Huwa jgħid li ħa azzjoni fuq il-Panama Papers u neħħa n-nies mill-kariga meta kienet ġejja elezzjoniji bikrija.

“Ma nistax ngħid li l-Panama Papers ma kellhomx effett f’pajjiżna. “Wieħed mill-membri tiegħi qal li r-rapporti tal-FIAU nkitbu biex jinkixfu, u l-persuna li kitbet wieħed mir-rapporti tagħhom issa ġiet akkużata b’xhieda falza,” dan b’referenza ċara għal Jonathan Ferris.

Muscat huwa mistoqsi dwar ir-relazzjoni tiegħu mal-midja, li huwa jiddeskrivi bħala relazzjoni mħallta ta’ “imħabba u mibegħda”, iżda jikkwalifika l-fatt li dan mhux esklussiv għal Malta.

L-Imħallef Mallia qal li punt ta’ kontestazzjoni huwa li l-midja ma ssibx koperazzjoni mill-Gvern. Tenna li l-midja llum ħadet ir-rwol tal-oppożizzjoni. Tenna li l-ġurnalist tradizzjonali ilu li spiċċa.

Tenna li wieħed m’għandux jibża’ li jieħu deċiżjonijiet meta l-midja hija kritika. Għandhom jittieħdu deċiżjonijiet u mbagħad jiffaċċjaw kritika. Muscat irrimarka wkoll li l-libell kriminali tneħħa meta huwa kien Prim Ministru.

Muscat wieġeb li l-fatti huma li bħala Gvern jekk imur għas-sitwazzjoni ta’ law enforcement, budget tal-pulizija żdied b’terz kemm dam Prim Ministru u li n-efqa kapitali żdiedet bin-nofs.

Qal li hu żgur li ma kien jagħti arja lil ħadd. Forsi l-iżball tiegħu kien li dejjem kien aċċessibbli għal kulħadd. Kien magħruf li aktar kien hemm ċans li jwieġbek il-Prim Ministru milli l-Ministri tal-Gvern.

Qal li ma kienx iħalli lin-nies jagħmlu li jridu. Qal li bħala Prim Ministru sejjaħ medja ta’ erba’ laqgħat tal-kabinett fix-xahar. Kien jiltaqa’ kull ġimgħa.

L-attitudni tiegħu fil-kabinett kienet kważi fid-diskussjonijiet kollha kien jitkellem l-aħħar wieħed biex ma joqtolx id-diskussjoni. L-ebda Ministru u ħadd ma kien qallu li jemmen li hemm xi kitchen cabinet.

L-Imħallef Abigail Lofaro qalet lill-eks Prim Ministru li Dapne Caruana Galizia kellha xi dejta fuq sens ta’ impunità meta ġiet assassinata. “Ma nafx x’dejta kellha. Imma jekk dawk in-nies ħassew li kellhom sens ta’ mpunità, u li ma jintmessux, dawn issa qegħdin il-ħabs jistennew il-ġudizzju.”

Oġġezzjonijiet mill-Avukati ta’ Muscat fuq id-domandi mill-parte civile

Hekk kif bdew id-domandi minn naħa tal-Avukati tal-familja Caruana Galizia bdew il-batti-bekki. L-Avukat Therese Comodini Cachia staqsiet l-mistoqsijiet tagħha dwar l-emails mingħand Henley and Partners li Schembri u Muscat kienu inklużi fihom. L-email tikkonċerna l-azzjoni legali kontra l-ġurnalisti.

L-avukati Pawlu Lia u Charlon Gouder li qed jirrappreżentaw lil Muscat oġġezzjonaw bil-qawwa kollha għall-mistoqsijiet ta’ Comodini Cachia. Ix-xhud qal li Henley and Partners kienu qed jiddefendu l-interessi tal-pajjiż.

Tenna li ma kienx qed jagħti permess imma lanqas ma kien qed joġġezzjona fuq dan. Comodini Cachia nfurmat lill-Bord li xi ħadd beda u għadu qed jaġġorna l-paġna ta’ Facebook ta’ Muscat b’dak li qed jgħid fil-Qorti.

L-avukat Pawlu Lia għal darba oħra oġġezzjona għall-mistoqsijiet u qal li jekk il-Bord ma ħassx il-bżonn li jistaqsi dawn il-mistoqsijiet li qed tistaqsi l-parte civile, dan iffiser li mhumiex ta’ importanza. Akkuża lil Comodini Cachia u lil Jason Azzopardi li qed jippolitiċizzaw l-inkjesta.

L-Imħallef Emeritu Michael Mallia oġġezzjona u qal lil Comodini Cachia biex tkompli bil-mistoqsijiet tagħha. Dwar li mhux kull media house kienet tkun mistiedna għall-press conferences dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Muscat qal li mhux hu kien responsabbli għal dawn l-istediniet.

L-Avukat Comodini Cachia staqsiet lil Muscat għaliex il-Partit Laburista għamel billboards b’wiċċ Daphne Caruana Galizia fuqhom, bl-eks Prim Minisru b’mod xejn komdu jwieġeb – “Daphne saret l-Oppożizzjoni.”

L-avukat ikkwotat artiklu tal-EU Observer ippubblikat f’Ġunju tal-2017 fejn Muscat irrefera għal artiki u bloggs ippubblikati bħala fake news. Dawn l-artikli u bloggs irreferew għalihom l-MEPs fl-interventi tagħhom. Muscat qal li hu kien qed jirreferi għas-sitwazzjoni ta’ Egrant.

Dwar għaliex Konrad Mizzi kien dejjem responsabbli minn Projects Malta. Muscat qal li kienet deċiżjoni politika għax ħass li Mizzi kien kapaċi. Wara bdew il-mistoqsijiet minn naħa tal-Avukat Jason Azzopardi huwa rrefera għad-dikjarazzjoni ta’ Yorgen Fenech meta qal li Keith Schembri nfurmah dwar l-arresti,

Joseph Muscat qal li hu mhux Keith Schembri u wieġeb fin-negattiv. Qa li sar jaf li kien hemm leak mill-emails tal-Electrogas meta kienet fid-dominju pubbliku. Muscat ċaħad li ta struzzjonijiet lil Fenech biex jieħu ħsieb lil Melvin Theuma għax qed jitlef il-kontroll tas-sitwazzjoni.

Kif beda jixhed Joseph Muscat ġie mistoqsi mill-Bord jekk hux fuq Police bail, b’Muscat iwieġeb fin-negattiv, fejn qal ukoll li mhux qed jiġi nvestigat mill-Pulizija.

Dwar iċ-‘chat’ bejn Yorgen Fenech, Keith Schembri u Joseph Muscat, Dr Azzopardi qal li Muscat ħareġ minn din iċ-chat madwar xahar qabel l-arrest ta’ Yorgen Fenech. Staqsa lil Muscat għaliex ma ħariġx minn din iċ-“chat” malli Fenech kien espost bħala s-sid tal-kumpanija 17 Black.

Muscat qal li anzi ddispjaċih li għamel hekk għax messu baqa’ fiċ-‘chat’ għal raġunijiet ovvji. Dwar meta kien infurmat li Yorgen Fenech kien investigat b’rabta mal-qtil, Muscat qal li sar jaf meta infurmawh il-Pulzija.

Muscat qal li huwa żgur hu li ċertu affarijiet li saru nżammu bħala sigrieti mill-amministrazzjoni. Wara x-xhieda ta’ Muscat kompliet tinstema’ bil-magħluq.

Joseph Muscat jgħid li mhux jitlaq jew li se jaħrab minn Malta

Fl-aħħar tas-seduta Joseph Muscat ried jagħmel xi punti relatati ma’ allegazzjonijiet li qed isiru fi blog minn kittieb Amerikan Kenneth Rijock. “Jien u l-familja tiegħi m’għandniex pjan li naħarbu lejn Dubai. M’hemmx bżonn li nkomplu bl-ispekulazzjoni kull darba li se naqbad ajruplan u naħrab,” huwa kompla.

Huwa ċaħad ukoll dak li kien qed jgħid l-istess Amerikan fuqu li huwa qed jiġi nvestigat fl-Istati Uniti. Qal li huwa għamel il-verifiki kollha tiegħu dwar dan u li għandu nformazzjoni uffiċjali li dan mhuwa minnu xejn li għaddejja xi nvestigazzjoni fil-konfront tiegħu.

Nhar it-Tnejn 7 ta’ Diċembru fid-9.30am. meta l-bord se jisma’ lill-Kap eżekuttiv tal-Programm ta’ Investiment (bejgħ tal-passaporti) Jonathan Cardona u l-Editur tal-ġurnal u sit Times of Malta Herman Grech,