Internazzjonali

L-ISIS jista’ qed jippjana azzjonijiet terroristiċi fl-Ewropa għal żmien il-Milied

It-terroristi mal-grupp ISIS jistgħu qegħdin jippjanaw sensiela ta’ attakki terroristiċi fir-Renju Unit kif ukoll f’numru ta’ pajjiżi oħra tal-Ewropa għal żmien il-Milied.

It-twissija ngħatat minn ex aġent tal-MI6 – l-aġenzija tas-servizzi sigrieti Britanniċi —  u fejn ingħad li l-ISIS x’aktarx qed jippjana ‘kampanja qattiela ġdida’ bħala vendikazzjoni għall-pubblikazzjoni tal-karikaturi tal-Profeta Mohammed ( il-fundatur tal-Islam) fi Franza.

L-eks aġent Aimen Dean – li dam is-snin jispjuna fuq il-moviment tal-militanti al-Qaeda qabel inkixef minħabba leak fis-sistema tas-servizzi sigrieti tal-Istati Uniti – sostna li l-ġiħadisti fil-Libja u s-Sirja, bħalissa ‘għaddejjin bil-kumplotti biex jitterrorizzaw lill-Ewropej waqt il-btajjel tal-Milied u  matul ix-xitwa’.

Intant, Aimen Dean informa konferenza tas-sigurtà f’Londra li Abu Omar al-Shishani, kmandat ewlieni tal-ISIS, qed jippjana biex jibgħat il-militanti tiegħu lejn il-pajjiżi tal-Punent – fejn hu maħsub li l-estremisti jivvjaġġaw għal hemm mit-Turkija, b’uħud jaqsmu l-Mediterran mit-Tramuntana tal-Afrika.

Il-periklu, skont l-eks aġent, hu li ‘dawn it-terroristi jwettqu numru ta’ atroċitajiet ir-Renju Unit, Franza u l-Ġermanja, fi żmien meta l-Gvernijiet ikunu qegħdin ineħħu xi restrizzjonijiet tal-coronavirus qabel il-Milied.

Fl-aħħar jiem, ir-Renju Unit ikkonferma li l-livell tat-terrur potenzjali fl-artijiet tiegħu hu ‘sever’ – li jindika t-tieni l-ogħla livell ta’ periklu fiċ-ċirkustanzi.

L-awtoritajiet Britanniċi żiedu  l-allert wara sensiela ta’ attakki terribbli minn militanti Iżlamċi fi Franza u l-Awstrija – fejn sostenitur tal-ISIS, fil-bidu ta’ Novembru, qatel erba’ persuni u darab 23 waqt sparatura fil-qalba ta’ Vienna.

F’Ottubru, għalliem fi Franza bl-isem Samuel Paty spiċċa attakkat minn aggressur li qatagħlu rasu barra. L-aggrediment xokkanti seħħ wara li Paty kien wera l-karikaturi tal-Profeta Mohammed lill-istudenti tiegħu waqt lezzjoni dwar id-dritt tal-espressjoni ħielsa.

Intant, ftit ġimgħat wara, tliet ċittadini – ilkoll Kristjani – spiċċaw maqtula b’daqqiet ta’ sikkina minn immigrant Tuneżin fil-belt Franċiża ta’ Nizza.

Il-Gvern ta’ Franza, intant, għamilha ċara li qed jagħmel l-almu tiegħu biex irażżan l-estremiżmu Iżlamiku fil-pajjiż. Dan meta l-awtoritajiet Franċiżi għalqu mat-80 moskea li servew bħala ‘xprun tas-separatiżmu’, waqt li keċċew 66 immigrant mingħajr dokumenti u li kienu suspettati bħala ‘elementi radikali’.

Sadanittant, l-inkwiet ewlieni għall-awtoritajiet tas-sigurtà madwar l-Ewropa hu li l-Kap tal-ISIS al-Shishani – eks-membru fl-Armata ta’Ġorġja u li maż-żmien spiċċa radikalizzat – qed jippjana ‘vendikazzjoni kbira mal-Ewropej’ għal żmien il-Milied. Dan meta l-militanti Iżlamiċi għadhom sallum irrabjati dwar il-pubblikazzjoni tal-karikaturi dwar Mohammed, li l-Musulmani jqisuhom bħala insult gravi lit-twemmin tagħhom.