Festi Kultura Lokali Mużika

Maħruġ il-kalendarju ta’ ‘Marċi u Bandalori’ f’għeluq l-20 sena tal-programm

Joe Chetcuti, il-prezentatur tal-programm fuq NET FM, ippreżenta kopja lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, waqt it-tnedija

L-2021 – l-20 sena tal-programm Marċi u Bandalori fuq NET FM li bih, dan l-istazzjon, serva ta’ vetrina għall-Każini tal-Banda u pjattaforma kemm għall-Festi Maltin kif ukoll għall-marċi storiċi u moderni fuq il-mezzi tax-xandir.

Biex jingħata bidu għal dan l-anniversarju, il-preżentatur tal-programm, Joe Chetcuti, il-Ġimgħa filgħodu nieda l-kalendarju tant mistenni għas-sena li ġejja – kalendarju li ġie ppreżentat lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech.

F’messaġġ li għamel waqt it-tnedija, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dan il-programm irnexxielu jagħti leħen lill-kultura u t-tradizzjonijiet Maltin, b’mod partikolari lill-Każini tal-Banda li huma hafna għal qalbu tant li għall-25 sena, wettaq ħidma volontarja f’2 każini tal-banda.

Ritratt: Matthew Tabone

Bernard Grech stqarr li l-Partit Nazzjonalista dejjem ġab u se jibqa’ jġib fuq quddiem ħidmet id-dilettanti fil-festi u f’dawn il-Każini għaliex isawwru parti sostanzjali tal-kultura u l-identità. Fl-istess waqt, il-programm Marċi u Bandalori jagħti valur miżjud ukoll lill-midja tal-Partit u għalhekk radd ħajr lil Joe Chetcuti tal-ħidma tiegħu biex jipproduċi dan il-programm.

Il-preżentatur fakkar kif dan il-programm li welled hu huwa tal-mijiet ta’ semmiegħa li ta’ kull nhar ta’ Ħadd wara l-bullettin tal-aħbarijiet ta’ 12pm jagħżlu li jsegwuh b’tant attenzjoni.

Kien hawn li b’mod partikolari sellem lil dawk li huma waħidhom jew morda…. li bil-programm jagħmillhom kumpanija, kif ukoll lill-emigranti Maltin u Għawdxin lil hinn minn xtutna li permezz tal-live stream fuq netfm.com.mt jew tal-podcast fuq netondemand jisimgħu dan il-programm.

Ritratt: Matthew Tabone

Huwa radd ħajr lit-tmexxija tal-istazzjon, immexxija minn Karl Gouder u Josef Fitzpatrick, lit-tekniku John Bruno, lill-isponsors tal-programm, fosthom il-Viċi-Kap tal-Partit, David Agius, li għen biex jittaffew l-ispejjeż tal-pubblikazzjoni tal-kalendarju.

Preżenti għal din it-tnedija kien hemm ukoll il-Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit, Robert Arrigo, is-Segretarju Ġenerali, Francis Zammit Dimech, il-President tal-Eżekuttiv, Alex Perici Calascione u diversi uffiċjali oħra tal-Partit Nazzjonalista.

Intant is-Sibt, bejn id-9am u l-5pm, bħala parti mill-attivitajiet tal-20 sena tal-programm, il-produzzjoni, b’kollaborazzjoni mal-Għaqda Każini tal-Banda, qed itellgħu l-attività ‘Agħti Rigal Festiv tal-Milied – Agħti d-Demm’ fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm fi G’mangia.