Lokali Qorti

Joseph Muscat iltaqa’ mal-middleman sena wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia

Ritratt: Matthew Tabone

Fl-ewwel kummenti tiegħu waqt ix-xhieda fl-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat sejjaħ din l-inkjesta bħala waħda ta’ “livell baxx.”

Joseph Muscat saħaq li din l-inkjesta hi eżerċizzju ta’ kurżita. Hu saħaq dan fil-konfront ta’ inkjesta li appunta hu stess.

Taħt ġurament u anke fuq Facebook, Joseph Muscat ikkonferma li ltaqa’ ma’ Melvin Theuma sena wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Waqt ix-xhieda tiegħu, l-eks Prim Ministru kkonferma li ltaqa’ ma’ Yorgen Fenech diversi drabi u li flimkien kellhom grupp fuq ‘WhatsApp’ li kienu jitkellmu fih.

Hekk kif ix-xhieda ta’ Muscat kienet għadha fil-bidu tagħha, hu saħaq li lest iwieġeb għall-mistoqsijiet iżda ddikjara li mhux se jwieġeb għal kollox. Hu qal dan waqt li deher nervuż madanakollu Muscat deher iktar kunfidenti aktar ma għadda l-ħin.

Joseph Muscat qal li Daphne Caruana Galizia kienet l-iktar ġurnalista u opinjonista popolari fil-pajjiż. Hu saħaq li l-ġurnalista kienet tvarja minn ġurnaliżmu ta’ klassi dinjija għal attakki u gideb.

L-eks Prim Ministru saħaq li ħass li ż-żmien tiegħu fit-tmexxija tal-pajjiż kien spiċċa appena inqatlet Daphne Caruana Galizia.

Mistoqsi dwar il-Panama Papers, Joseph Muscat saħaq li jemmen li mhux kull min kien imsemmi kellu intenzjonijiet ħżiena. Hu qal li Konrad Mizzi fetaħ il-kontijiet tiegħu barra minn xtutna għal raġunijiet famlijari. Dan filwaqt li qal li Keith Schembri fetaħ il-kontijiet fil-Panama wara li ma setax jiftaħ kont hawn Malta għal raġunijiet diversi. Mill-ġdid Muscat reġa’ saħaq li ħa passi kontra Mizzi għax neħħiħ minn Deputat Mexxej tal-Partit Laburista. Fil-konfront ta’ Schembri, Muscat saħaq li kien vitali għat-tmexxija tal-Gvern tiegħu. Tul ix-xhieda tiegħu, Muscat faħħar il-ħidma ta’ Schembri għal diversi drabi.

Waqt ix-xhieda tiegħu Joseph Muscat ikkonferma li ma fetaħ ebda libell wara li fl-aħħar tas-sena 2019 ingħata t-titlu tar-raġel tas-sena fil-kriminalità u l-korruzjoni organizzata mill-OCCRP.

Fatt interessani hu li fl-istess waqt li Muscat qed jagħti x-xhieda tiegħu fil-Qorti, il-paġna ta’ Facebook tiegħu qed tkun aġġornata b’mod kontinwu dwar dak li qed jgħid taħt ġurament.

Joseph Muscat kien mistoqsi dwar il-‘kitchen cabinett’ – referenza li ssemiet waqt din l-istess inkjesta mill-eks Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna. L-eks Prim Ministru saħaq li jista’ jkun li xi ħadd tema din il-frażi lil Scicluna u dan għamilha tiegħu.