Coronavirus Lokali

103 każi ġodda tal-virus f’pajjiżna

Fl-aħħar 24 siegħa f’pajjiżna ġew irreġistrati 103 każi oħra ta’ Covid-19, bit-total ta’ każi issa jitla’ għal 10,640.

Min-naħa l-oħra, fl-aħħar sigħat fortunatament fiequ 169 persuna oħra. B’hekk, meta wieħed iqis ukoll lill-149 li s’issa huma rrappurtati li tilfu ħajjithom kawża tal-virus, isib li l-każi attivi huma 1,989.

Fid-dawl tat-titjib fiċ-ċifri li kienu nnutati fl-aħħar jiem – tant li l-ammont ta’ każi attivi niżel għal taħt l-2,000 wara diversi ġimgħat – l-Awtoritajiet tas-Saħħa xorta jtennu l-appelli biex kulħadd joqgħod attent.

Regolarment, is-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, qed tfakkar ukoll li s-sitwazzjoni tfisser pressjoni enormi fuq il-professjonisti mediċi fl-Isptarijiet ta’ pajjiżna.

Dan minbarra s-sagrifiċċji li qed jagħmlu l-anzjani u l-vulnerabbli biex jaraw li ma jintlaqtux direttament mill-virus. Dan anke meta s’issa jirriżulta li hemm seba’ Residenzi għall-Anzjani li qed jesperjenzaw trażmissjoni tal-Coronavirus.

Matul il-ġimgħa li għaddiet, l-ammont ta’ vittmi żdied bi 17-il persuna, bl-aktar milquta huma l-anzjani. Dan fost il-weġgħa ta’ qraba tagħhom li ma jistgħux ikunu qribhom fl-aħħar ħinijiet ta’ ħajjithom. L-iżgħar vittma tal-Covid-19 f’pajjiżna s’issa hu raġel ta’ 46 sena.