Internazzjonali Unjoni Ewropea

BREXIT: Taħdidiet diretti bejn Johnson u Von der Leyen

Is-saga ta’ Brexit qed toqrob lejn il-qofol tagħha, bil-Prim Ministru tar-Renju Unit Boris Johnson u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen jidħlu direttament fit-taħdidiet.

Dan wara li l-aħħar round ta’ negozjati f’Londra bejn iż-żewġ naħat ġew sospiżi mingħajr ma ntlaħaq qbil.

Dan kien konfermat fi stqarrija konġunta bejn il-Kap Negozjatur tal-Unjoni Ewropea Michel Barnier u l-Kap Negozjatur tar-Renju Unit David Frost fejn intqal li ma setax jintlaħaq qbil fuq l-aħħar punti sabiex jintlaħaq ftehim aħħari.

Ir-Renju Unit ħareġ formalment mill-UE fil-bidu ta’ din is-sena iżda baqa parti mis-Suq Wieħed sal-aħħar tal-2020 bħala tranżizzjoni sakemm jiġi maqbul ftehim sħiħ li jirregola r-rabtiet tal-futur bejn iż-żewġ naħat.

It-tliet oqsma fejn jidher li ż-żewġ naħat mhux qed jaqblu huma s-sajd u l-aċċess tad-dgħajjes tas-sajd fl-ibħra rispettivi, kif ukoll kwistjonijiet sabiex jiġi assigurat level playing field minn prattiċi li jistgħu jimminaw il-kompetittivita’. Ewlenin fosthom l-użu ta’ sussidji u tnaqqis drastiku fl-istandards ambjentali, soċjali u tal-impjiegi.

Jekk jibqa’ ma jintlaħaqx ftehim, l-aċċess liberu għall-prodotti Ewropej fis-suq Britanniku u viċe versa, jieqaf zopptu u dan hu xenarju li ż-żewġ naħat ilhom jgħidu li jridu jevitaw.

F’każ li jintlaħaq ftehim, Boris Johnson ftit għandu problemi biex dan jgħaddi mill-House of Commons hekk kif l-Oppożizzjoni Laburista trid li jkun evitat ‘no-deal’ filwaqt li għandu maġġoranza komda biżżejjed anki f’każ ta’ oppożizzjoni interna mill-Partit Konservattiv stess.

Is-sitwazzjoni mhix daqshekk ċara min-naħa Ewropea. Filwaqt li diversi pajjiżi, ewlenija fosthom il-Ġermanja lesti jaslu għal kompromessi, mhux l-istess jista’ jingħad għal Franza. Fil-fatt, il-Ministru tal-Affarijiet Ewropej Franċiż qal li pajjiżu lest juża l-veta jekk Franza ma taqbilx mat-termini tal-ftehim.

Fl-1967, Franza immexxija mill-President Charles de Gaulle, kienet imblukkat it-tentattiv tar-Renju Unit biex jissieħeb ma’ dik li kienet il-Komunita’ Ekonomika Ewropea. Iktar minn 50 sena wara, jidher li Franza taf terġa tkun ostaklu, iżda din id-darba biex ir-Renju Unit joħroġ mill-UE bi ftehim.