Futbol Sport

Castano l-eroj għal Mqabba

Chris Cassar
MQABBA …………………… 2
PIETÁ H. …………………….. 1


Mqabba: J. Grech, N. Falzon, G. Mannino, D. Pace, J. Castano, K. Cutajar, R. Cutajar, R. Spiteri, D. Micallef, G. Cesani, B. Sciberras.
Pietà H: M. Chetcuti, J. Cassar, M. Portelli, N. Pace Cocks, J. Ghio, D. Segura, C. Bouvet, J. Caetano, S. Mizzi, I. Jalo, J. Scicluna.
Referee: Sandro Spiteri


Castano kien l-eroj ta’ Mqabba hekk kif skorja doppjetta u ta rebħa prezzjuża lil Mqabba li jinsabu fi bżonn kbir ta’ punti. Castano skorja wara erba’ minuti biex fetaħ l-iskor u skorja l-gowl rebbieħ fit-tielet minuta ta’ ħin miżjud, għal riżultat li hu verament kiefer ma’ Pieta li għal ħinijiet twal iddettaw il-logħob.
Mqabba bdew bil-kbir meta wara biss erba’ minuti Johan Castano għeleb lil Chetcuti b’xutt fil-baxx minn tarf il-kaxxa. Ir-risposta ta’ Pieta bi freekick ta’ Segura li kien salvat b’diffikulta minn Grech megħjun anki mil-lasta.
Fit-23 minuta Pieta għamlu l-iskor indaqs b’xutt sabiħ ta’ Jake Ghio minn tarf il-kaxxa jegħleb għal kollox lil Grech. Fit-30 minuta opportunita’ oħra għal Pieta iżda James Scicluna spara għoli minn qagħda tajba.
Fis-56 minuta kien Caetano li falla ċans tajjeb għal Pieta minn quddiem il-lasta. Pieta baqgħu l-iktar perikolużi fl-attakk matul it-tieni taqsima iżda meta kollox deher li l-logħba se tispiċċa fi draw wasal il-gowl mill-isbaħ ta’ Castano li kkontrolla dar ma’ difensur u spara fix-xibka.


MARSAXLOKK…………….. 3
QORMI ……………………. 0


Marsaxlokk: F. Tabone, C. Degabriele, G. Barone, N. Ghio, D. Cartella, P. Doffo, I. Paz, J. Spiteri, B. Sciberras, C. Brincat, R. Fenech.
Qormi: J. Vella, O. Sidibe, D. Perassolli, L. Mallia, I. Micallef, R. Caruana, N. Meli, J. Mizzi, I. Mizzi, N. Gauci, L. Azzopardi.
Referee: Trustin Farrugia Cann

Marsaxlokk irritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Qormi 3-0, bix-Xlukkajri jserrħu rashom b’gowls lejn it-tmiem wara li kienu marru kmieni fil-vantaġġ. Iżda l-logħba baqgħet imtappna bl-injury serja tal-captain ta’ Qormi Immy Micallef ftit wara s-siegħa logħob, bil-logħba ddum diversi minuti wieqfa.
Marsaxlokk ma setax kellhom bidu aħjar għaliex wara tliet minuti fetħu l-iskor meta minn kross mil-lemin ta’ Russell Fenech kien Ivan Paz li bix-xellug għeleb lil Vella fuq l-ewwel lasta.
Fl-40 minuta nuqqas ta’ attenzjoni fid-difiża ta’ Qormi fejn Cartella bir-ras antiċipa l-ħarġa ta’ Vella iżda qabel il-ballun qabeż il-linja dan kien imtajjar minn Isaac Mizzi. Fil-45 minuta Qormi sfortunati li ma kisbux il-gowl tad-draw meta xutt bid-dawra minn qagħda angolata ta’ Larson Mallia ħabtet ma’ sieq il-lasta. Fl-aħħar azzjoni tat-taqsima kien Cartella li daħal tajjeb fil;-kaxxa iżda ħareġ fuqu l-goalkeeper Vella li rnexxielhui jimblokka l-azzjoni tat-Taljan.
Fit-tieni taqsimaQormi ħarġu jfittxu d-draw u ħadu l-inizjattiva iżda wara l-waqfa twila minħabba li weġġa’ Immy Micallef, il-Qriema qatt ma reġgħu daħlu fil-logħba. Ir-referee Farrugia Cann ta tmintax-il minuta ta’ ħin miżjud fejn fit-tmien minuta kien Paz li għalaq il-logħba bit-tieni gowl meta skorja b’xutt mill-viċin, u erba’ minuti wara Cartella twaqqa’ meta kellu ċans ovvju ta’ gowl, bir-referee jordna l-penalty u jkeċċi lil Jacob Mizzi, u mill-11-il metru kien is-sostitut Mifsud Triganza li skorja b’xutt għar-rokna ta’ fuq tax-xibka.