Sport Sport Ieħor

Il-boxer Malti Haithem Laamouz isir champion Superfeatherweight Unjoni Ewropeja

Il-Ġimgħa filgħaxija fil-Palasantoro f’Ruma, il-boxer Malti Haithem Laamouz sar champion tat-titlu super feather weight tal-European Boxing Union . Laamouz sar l-ewwel boxer Malti li rebaħ titlu Ewropew f’dak li jista’ jitqies bħala l-akbar suċċess għall-isport Malti għall-2020. Fi ġlieda fuq tnax il-rawnd , Haithem Laamouz rebaħ lit-Taljan Mario Alfano b’deċiżjoni unanima tal-ġurija.

Huwa rebaħ b’puntegg ta’ 115-113, 116-112, 116-112 . Kienet is-17 ir-rebħa għal boxer Malti minn 18 il-ġlieda fil-karriera filwaqt li għal Alfano kienet it-tieni telfa għalih f’karriera fejn iħaddan 15 ir-rebħa. F’Ruma, Haithem Laamouz kien mgħejjun fir-ring minn Demis Tonna u minn Mario Giordano. Din il-ġlieda għat-titlu Ewropew kienet tgħamel parti minn programm ta’ tlett ġlidiet.

Il-Partit Nazzjonalista jikkongratula lil Laamouz

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport Robert Cutajar awgura lil Laamouz għal dan is-suċċess li kiseb li huwa wieħed mill-aqwa suċċessi għal Malta Boxing Association fl-aħħar snin.

Il-fergħa sportiva tal-Partit Nazzjonalista, Tim Sport Nazzjonalista ukoll ferħet u ikkongratulat lil Laamouz għal dan is-suċċess, li mingħajr hu l-aqwa wieħed li qatt kiseb id-dixxiplina tal-boxing f’Malta. Iċ-chairperson il-ġdid ta’ TSPN, Christian Micallef qal li dan is-suċċess m’huwiex kumbinazzjoni iżda jikkonferma l-ħidma, id-dedikazzjoni u l-passjoni li teżisti mill-assoċjazzjonijiet sportivi u atleti Maltin, partikolarment f’dixxiplini sportivi li m’humiex fost l-aktar popolari lokalment.

‘L-isport Malti għandu ħafna potenzjal u talent, u kultant dan kollu qed jiġi skartat minn kulħadd, inkluż mill-media lokali. Iżda meta jkolna suċċess bħal dan ta’ Laamouz, f’daqqa waħda niġu konxji tal-potenzjal li għanda f’ċertu dixxiplini sportivi, inkluż talent fuq livell individwal. Dan m’għandux ikun. F’pajjiżna għadna atleti b’talent kbir li jekk nagħtuhom l-għajnuna kollha meħtieġa, kemm fuq livell ta’ Gvern, awtoritajiet sportivi u media lokali, inkunu qed niffaċilitaw il-possibiltajiet tagħhom li jilħqu tragwardi ta’ suċċess fuq livell internazzjonali. Ejja nużaw dan is-suċċess biex nifhmu l-importanza li pajjiżna għandu bżonn investiment akbar fl-iSport, speċjalment fejn Malta qed tikseb riżultati prestiġjużi internazzjonament,’ żied jgħid Micallef.