Għawdex Lokali

Il-PN irid jagħmel id-differenza fil-ħajjiet – Bernard Grech

Il-Partit Nazzjonalista hu kommess li jagħmel id-differenza fil-ħajjiet ta’ dawk li għandhom abbiltajiet differenti. Hu importanti li t-tfal kollha jingħataw l-attenzjoni u l-għajnuna li għandhom bżonn ħalli naraw li ħadd ma jibqa’ lura.

Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt laqgħa mal-Federazzjoni Għawdxija għall-Persuni b’Diżabbiltà, fejn kienu diskussi diversi temi li jolqtu b’mod dirett jew indirett lill-persuni b’diżabbiltà li jgħixu f’Għawdex.

Bernard Grech innota kif għalkemm dawn il-persuni jaffaċċjaw sfidi simili għal dawk li jgħixu f’Malta, Għawdex hu nieqes minn numru ta’ servizzi essenzjali għal persuni b’diżabbiltà u għalhekk, jagħmilha aktar diffiċli għalihom u għall-familji tagħhom.

Waqt din il-laqgħa, li għaliha kienu preżenti għadd ta’ ġenituri, issemmew fost l-oħrajn in-nuqqas ta’ LSEs fl-Iskejjel f’Għawdex, kif ukoll li meta, għal xi raġuni, dawn LSEs ma jidħlux għax-xogħol, uliedhom ma jkunux jisgħu jattendu Skola.

Il-ġenituri spjegaw id-diffikultajiet li qed jinħolqu meta tifel jew tifla jinbidlulhom l-LSEs tagħhom numru ta’ drabi matul is-sena. Dan meta, fl-aħħar snin, LSEs Għawdxin bdew jaħdmu fi Skejjel f’Malta, fost aktar sfidi għall-istudenti fl-Iskejjel f’Għawdex.

Il-Federazzjoni semmiet kif fl-aħħar snin ippruvaw ifittxu l-għajnuna mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, iżda l-Ministru kkonċernat qatt ma ltaqa’ magħhom. Minflok, kienu jintbagħtu Uffiċjali oħrajn tal-Ministeru.

Huma semmew ukoll il-fatt li numru ta’ servizzi speċjalizzati għal persuni b’diżabiltà, b’mod partikolari dawk bl-awtiżmu, kważi kollha jinsabu f’Malta. Dan ikompli jikkomplika ħajjet it-tfal u l-familji tagħhom biex jingħataw l-għajnuna meħtieġa.

Matul il-laqgħa, Bernard Grech kien akkumpanjat mid-Deputat Għawdxi Kevin Cutajar, li min-naħa tiegħu fakkar kif il-Membri Parlamentari Nazzjonalisti ilhom għal diversi xhur iqajmu dawn id-diversi punti fil-Parlament, iżda s’issa, il-Gvern għadu ma semax il-karba tal-Għawdxin.