Futbol Sport

Il-UEFA b’kompetizzjoni ġdida għall-klabbs mill-istaġun li ġej

Il-UEFA ħabbret kompetizzjoni ġdida għall-klabbs bl-isem tal-UEFA Europa Conference League mill-istaġun li ġej biex hekk il-UEFA se jkollha tliet kompetizzjonijiet għall-klabbs. F’laqgħa tal-Eżekuttiv tal-UEFA li nżammet nhar il-Ħamis f’Tirana l-Albanija il-UEFA ħabbret li l-ewwel finali ta’ din il-kompetizzjoni se tintlgħab f’Arena Kombetare fl-Albanija.

F’din il-kompetizzjoni se jieħdu sehem 184 tim, b’ 46 tim minnhom se jidħlu f’din il-kompetizzjoni wara li jkunu eliminati miċ-Champions League u l-Europa League.

Pajjiżna se jkun rappreżentat f’din il-kompetizzjoni mir-rebbieħ tal-FA Trophy kif ukoll mit-timijiet li se jispiċċaw fit-tieni u fit-tielet post fil-Kampjonat BOV Premier. It-tim li jirbaħ il-Kampjonat BOV Premier se jidħol fl-ewwel rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League u jekk ikun eliminat jidħol fit-tieni rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-Europa Conference League. Jekk it-tim Malti li jkun fil-UEFA Champions League jkun eliminat fit-tieni jew fit-tielet rawnd jidħol fir-rawnd li jkun imiss fil-UEFA Europa League. Il-partiti kollha ta’ din il-kompetizzjoni se jintlagħbu nhar ta’ Ħamis ma’ dawk tal-Europa League.