Futbol Sport

Kaljevic jagħti r-raba’ rebħa konsekuttiva lil Mosta

(Ritratt: Dominic Aquilina/ MFA)

George Cassar

Mosta – 1

Tarxien Rainbows  –  0

Mosta: C. Mafoumbi, Z. Brincat (L. Portelli 82’), D. Bonnici (O. Sammut 53’), T. Farrugia, R. Morisco, M. Muchardi, G. Sciberras (N. Agius 82’), C. Ememe, S. Martinez, K. Tulimieri (D. Debono 73’), B. Kaljevic

Tarxien R.: D. Fernandes, A. Carneiro, M. Tabone, E. Rosado, B. Muscat, K. Gatt (M. Ciantar 85’), M. Spiteri (D. Falzon 74’), J. Debono (E. Zarate 63’), M. Miranda Gomez, Vanger, V. Plut

Skurja: B. Kaljevic – pen. 37’ (M)

Imwissija: T. Farrugia 32’ (M), A. Carneiro 36’ (T), E. Rosado 56’ (T), M. Spiteri 59’ (T)

Referì: A. Sciriha

Assistenti referis: D. Stankovic, D. Spencer

Il-plejer tal-logħba: B. Kaljevic (M)

Penalty fl-ewwel taqsima skurjat minn Bojan Kaljevic kien l-uniku gowl fil-partita bejn Tarxien Rainbows u Mosta li ta r-raba’ rebħa konsekuttiva lill-Mostin. B’din is-serje ta’ rebħiet wara xulxin li fihom sofrew gowl wieħed biss, Mosta telgħu jaqsmu l-ħames post ma’ Gudja United hekk kif iż-żewġ timijiet qed ikunu fost l-iktar sorpriżi pożittivi fil-kampjonat ta’ din is-sena.

Għal Tarxien din kienet it-tieni telfa fi tlett ijiem wara dik kontra Birkirkara fi tmiem il-ġimgħa biex b’hekk baqgħu ma nħelsux miż-żona tar-relegazzjoni. Mas-siegħa logħob iddebutta għalihom iċ-Ċilen Edison Zarate li iżda ma rnexxielux jagħmel biżżejjed biex idawwar ir-riżultat tal-partita.

Għal ħafna mill-ħin il-logħba kienet xotta mill-azzjonijiet qrib iż-żewġ lasti, iżda mbagħad żbruffat fl-aħħar kwarta b’azzjonijiet perikolużi fuq iż-żewġ naħat speċjalment għar-Rainbows li heddew serjament li mqar jevitaw it-telfa iżda mingħajr suċċess. 

L-azzjoni prinċipali tal-logħba waslet  fis-37 minuta meta Bojan Kaljevic irċieva kross mil-lemin mingħand Christ Ememe iżda fil-ħin li kien se jiltaqa’ mal-ballun, inġibed mill-flokk minn Anderson Carneiro u r-referì Andrea Sciriha saffar penalty. L-attakkant Montenegrin skorja l-penalty u d-disa’ gowl staġjonali f’dak li qed ikun kampjonat ta’ rinaxximent għalih wara nixfa ta’ gowls fl-aħħar staġun bil-flokk ta’ Valletta.

Tarxien ħarġu tajjeb fit-tieni taqsima hekk kif fl-ewwel minuta tagħha, minn kross tal-plejer misluf mingħand l-avversarji Mosta Kyle Gatt, Vito Plut ma laqatx kif xtaq mill-viċin u l-ballun mar barra.

Għoxrin minuta mit-tmiem Bojan Kaljevic fetaħ lejn Kevin Tulimieri li prova jqabbeż minn fuq Daniel Fernandes iżda t-tul tal-gowlkiper ta’ Tarxien kien kruċjali biex laħaq il-ballun.

Fl-aħħar kwarta Tarxien resqu qrib b’konklużjonijiet perikolużi ta’ Vanger Conceicao, Misael Miranda Gomez, Vito Plut u ieħor b’nofs dawra tas-sostitut Miguel Ciantar li kollha ma nkwadrawx il-lasta.

B’Tarxien żbilanċjati fuq quddiem, Mosta kellhom l-opportunità li jagħlqu l-logħba bit-tieni gowl fl-aħħar minuti iżda l-konklużjoni ta’ Santiago Martinez kienet salvata tajjeb minn Daniel Fernandez filwaqt li x-xutt ta’ Christ Ememe mill-viċin għadda qrib il-wieqfa.

F’nofs il-ġimgħa Mosta jista’ jkollhom test ieħor tal-potenzjal tagħhom hekk kif iridu jilagħbu konfront diffiċli kontra Valletta.