Lokali

L-ewwel pass lejn l-Unjoni Ewropea bħal-lum 50 sena

Kitba ta’ Joe M. Zahra

Fil-5 ta’ Diċembru 1970, 50 sena llum, Malta u l-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE) – li minnha ħarġet l-Unjoni Ewropea kif nafuha llum – iffirmaw ftehim storiku li stabbilixxa Assoċjazzjoni bejn Malta u l-KEE. Dan il-ftehim kellu fi żmien 10 snin iwassal għal għaqda doganali sħiħa bejn Malta u l-KEE. Xi ħaġa li ma gratx għaliex sadanittant tela’ Mintoff fil-gvern u dan kien iqis l-Ewropa tal-Punent, li l-KEE kienet parti minnha, bħala ‘l-Ewropa ta’ Kajin’ u l-Ewropa Komunista bħala ‘l-Ewropa ta’ Abel’.

Meta l-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Ġorġ Borġ Olivier rebaħ l-elezzjoni tal-1962 u ħa l-gvern f’idejn, Borg Olivier kellu żewġ miri: li jikseb l-Indipendenza għal pajjiżna u li jressaqna kemm jiflaħ qrib tal-Ewropa tal-Punent.

Għalhekk filwaqt li Ġorġ Borġ Olivier kien tiela’ u nieżel Londra biex jikseb għal Malta s-sovranità sħiħa, il-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Iżvilupp Industrjali u Turiżmu kien ġmielu jħejji biex Malta jkollha xi forma ta’ assoċjazzjoni mas-Suq Komuni Ewropej. F’nofs Ġunju tal-1962 il-Ministru Felice kien diġà żar Ruma u Brussell fejn iddiskuta proġetti mis-Suq Komuni għal Malta. Lura Malta tenna: “Nista’ ngħid li intrikibna mill-avvenimenti.” Stqarr li ġew milqugħa b’konsiderazzjoni u “għednielhom dak li ridna ngħidulhom – tkellimna biss dwar l-essenzjali”. Hu tenna li l-problemi kienu komplessi għalina u għall-pajjiżi kollha konċernati. “Iżda nistgħu ngħidu li l-problema tagħna tpoġġiet fuq il-mappa u kulmin hu konċernat jaf x’inhuma l-interessi tagħna u li tinstab soluzzjoni.”

Ma ninsewx li pajjiżna kien għadu kolonja u anke biex titkellem f’isem pajjiżek ma’ ministri ta’ pajjiżi oħrajn ridt il-permess tal-ministri Ingliżi.

Issa tajjeb infakkar li dak iż-żmien fl-Ewropa tal-Punent kien hawn żewġ blokki kummerċjali – il-KEE u l-EFTA. Il-Komunità Ekonomika Ewropea kienet tiġbor fiha s-sitt pajjiżi tal-qalba tal-Ewropa – il-Ġermanja tal-Punent, Franza, l-Italja, l-Olanda, il-Belġju u l-Lussemburgu filwaqt li l-EFTA (European Free Trade Association) kienet tiġbor seba’ pajjiżi fil-periferija tal-Ewropa, jew l-‘outer seven’ kif kienu wkoll magħrufa. Dawn kienu l-Awstrija, id-Danimarka, in-Norveġja, il-Portugall, l-Iżvezja, l-Iżvizzera u r-Renju Unit. Kienu kontro-blokk għall-KEE.

Għalhekk meta l-gvernijiet Nazzjonalisti filwaqt li kienu qed jiġġieldu għall-Indipendenza bdew ifittxu wkoll relazzjonijiet mal-KEE mhux biss urew kuraġġ iżda wkoll ‘foresight’. Dan għaliex l-ekonomija ta’ pajjiżna dak iż-żmien kienet tiddependi kważi għalkollox minn dik tar-Renju Unit. It-turiżmu li kellna kien jiġi mir-Renju Unit, kif kienu Ingliżi l-mijiet ta’ residenti barranin. Il-fabbriki li konna qed nibnu kienu minn imprendituri Ingliżi. Ir-Renju Unit kien għad għandu f’Malta bażi militari li kienet tagħti eluf ta’ impjiegi u tħalli miljuni fl-ekonomija ta’ pajjiżna.

’Il quddiem il-parti l-kbira tal-pajjiżi tal-EFTA, inkluż ir-Renju Unit, ingħaqdu mal-KEE. F’diskors importanti li Ġorġ Borg Olivier għamel f’Mejju 1963 meta Malta saret memru tal-Kunsill tal-Ewropa, kien irrefera għall-Ewropa li hi maqsuma bejnietha u li tfissret bħala li kienet ‘at sixes and sevens’. Dan kellu tifsira doppja: iż-żewġ blokki li kienu wieħed ta’ sitta u ieħor ta’ sebgħa u t-tifsira tas-‘sixes and sevens’ li tingħata hi dik ta’ stat ta’ diżordni kompleta.

Id-diżgwid li kien hemm bejn il-KEE u l-EFTA ma qatax qalb il-Gvern Nazzjonalista Malti li jasal f’xi forma ta’ ftehim mal-KEE. Il-Gvern Nazzjonalista ried xi forma ta’ assoċjazzjoni mal-KEE u ħadha. Anke jekk in-negozjati kienu ibsin u ħadu s-snin għaliex biex stajna ninnegozjaw ridna l-ewwel inkunu Indipendenti.

Sigismund von Braun

Iċ-ċerimonja tal-iffirmar tal-ftehim saret fis-Sala ta’ San Mikiel u San Ġorġ fil-Palazz il-Belt. Ġorġ Borg Olivier iffirma f’isem il-Gvern Malti; Sigismund von Braun iffirma fil-kariga tiegħu ta’ President tal-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej u Franco M. Malfatti bħala President tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej. Il-pajjiżi membri tal-Komunità kienu kollha rappreżentati minn Ambaxxaturi Straordinarji u Plenipotenzjarji. Għaċ-ċerimonja kien hemm ministri, uffiċjali għojin tal-Gvern Malti u mistednin distinti.

Id-diskorsi li saru qabel l-iffirmar indikaw l-importanza li l-KEE kienet qed tagħti lil Malta.

Sigismund von Braun

Sigismund von Braun tenna li l-Komunità kienet konxja li l-fatt li Malta tasal għal assoċjazzjoni mal-KEE, kienet għażla li tmur ’il bogħod mis-sempliċi kwestjoni ta’ materji ekonomiċi – iżda għażla b’implikazzjonijiet li jwasslu ferm iktar ’il bogħod fil-futur. Il-Gvern Malti infatti ddeċieda dwar il-partiċipazzjoni fil-qrib ta’ Malta fil-ħidma għall-integrazzjoni Ewropea. Dan hu għaliex il-KEE u Malta għażlu li jqiegħdu r-relazzjonijiet tagħhom fil-qafas ta’ Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, mhux sempliċiment bħala ftehim kummerċjali iżda bħal ftehim maħsub li jkun sinjal tar-rieda komuni li jimbarkaw mil-lum fuq triq ta’ kooperazzjoni struturali u mill-qrib.

Von Braun spiċċa d-diskors tiegħu hekk: “Tul l-istorja ħafna rabtiet intlaħqu bejn il-popli tagħna. Illum, żidna oħra. Il-parteċipazzjoni ta’ Malta fil-ħidma tal-integrazzjoni Ewropea għandha tidher li taqa’ fil-korsa naturali tar-relazzjonijiet bejnietna. Iżda dak li l-popli tagħna jgħożżu bħala l-iktar komuni hi l-imħabba għal-libertà, id-demokrazija u l-paċi. Dawn l-ideali, li fuqhom hi msejsa l-Komunità, dejjem kienu difiżi bil-qawwa kollha mill-Maltin tul l-istorja millenarja tagħhom. B’konklużjoni, nixtieq inwassal lill-poplu Malti x-xewqat ta’ kulħadd fil-komunità għall-kuntentizza u l-prosperità tagħkom. U biex nassigurahom mill-istima profonda tagħna u l-ħbiberija sinċiera u dejjiema tagħna.”

Franco M. Malfatti

Franco M. Malfatti, President tal-Kummissjoni tal-KEE, tenna li “dan il-ftehim qed jiġi ffirmat f’mument importanti ħafna fil-kostruzzjoni tal-Ewropa: Il-Komunità, fi triqtha lejn il-maturità, wara li temmet l-għaqda doganali u bdiet il-politika komuni, hi issa tal-fehma li tkun għaqda ekonomika u monetarja u konsegwentement għaqda politika. L-Ewropa, issa konxja mill-unità tagħha u l-vokazzjoni tagħha, hi storikament f’waqtha li ssib lil Malta għal darb’oħra fuq in-naħa tagħha, konferma tar-rabtiet kulturali u fedeltà għall-unika u l-istess ċivilizzazzjoni, li permanentament għaqqdu lil Malta mal-Ewropa, grazzi għall-konsistenza u l-enerġija tal-abitanti tagħha, u bil-prezz ta’ ħafna sagrifiċċji.”

Malfatti sostna li dan il-ftehim se jikkontribwixxi għal politika Ewropea versu l-pajjiżi tal-Mediterran, li jieħdu l-ewwel post fil-prijoritajiet tal-affarijiet barranin tal-Komunità.

Malfatti rrimarka li “Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mhux sempliċi ftehim dwar il-kummerċ. Hu ferm iktar kumpless u jorbot, minħabba li l-iskopijiet tiegħu jmorru lil hinn mill-iskop immedjat tal-ftehim. Joħloq interessi komuni u għalhekk hu element ġdid u dinamiku tal-ħajja internazzjonali, minħabba li jiftaħ possibbiltajiet għal żmien qasir għal organizzazzjoni ġdida u iktar stabbli tal-Kontinent tagħna. Dan hu s-sinifikat profond tal-Ftehim li se niffirmaw, għaliex se jikkontribwixxi għal struttura ekonomika li tippermetti li Malta tirrealizza l-vokazzjoni Ewropea tagħha, filwaqt li tagħti għal darb’oħra lill-Komunità l-okkażjoni li tkun koerenti iżda fl-istess waqt entità miftuħa.”

Dan l-approċċ pragmatiku jipprova li ż-żewġ imsieħba għandhom l-istess fiduċja reċiproka fil-futur tal-kostruzzjoni tal-Ewropa u fil-kapaċità ta’ Malta li taċċetta fit-tieni stadju l-ħtiġiet ta’ unjoni doganali.

Ġorġ Borg Olivier

Ġorġ Borg Olivier, li fil-kariga tiegħu ta’ Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin u tal-Commonwealth iffirma l-ftehim, qal li “s-sinifikat li l-Gvern tiegħi jorbot mal-iffirmar tal-Ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Gżejjer Maltin hu verament kbir. Hu ċertament mistenni li jkollu riperkussjonijiet importanti fl-iżvilupp ekonomiku tagħna. L-implikazzjonijiet politiċi jistgħu jkunu inqas jidhru iżda mhumiex inqas reali.

“Il-Ftehim joffri inċentivi u inkoraġġiment li għandu jkun ta’ għajnuna konsiderevoli għalina fl-isforzi biex niddiversifikaw l-ekonomija tagħna u biex inpoġġuha fuq sisien iktar sodi. Ċertament tippreżenta sfida lill-poplu Malti; iżda hi sfida li għandna tkun rinfaċċjata b’kull mod jekk Malta għandha tissorpavjeni t-taqlib ekonomiku u n-neċessità ta’ transazzjoni ta’ malajr minn ekonomija msejsa primarjament fuq in-nefqa tad-difiża barranija għal waħda li l-vijabbiltà tagħha hi marbuta għad-dipendenza dejjem ikbar fuq l-industrijalizazzjoni.”

Meta rrefera għas-sinifikat politiku, Ġorġ Borġ Olivier tenna li “s-sinifikat politiku tal-assoċjazzjoni tagħna mal-Komunità min-naħa tagħna jinsab prinċipalment fil-ħolqien ta’ rabta oħra f’saħħitha mad-demokraziji tal-Ewropa. Din l-assoċjazzjoni tiftaħ kapitlu ġdid fl-istorja ekonomika u politika ta’ Malta li matulhom ir-rabtiet li nbnew fuq ideali komuni u fuq esperjenzi kondiviżi u sagrifiċċji, għandhom, kif nemmnu aħna, jiżviluppaw fi sħubija ta’ kooperazzjoni attiva u assistenza reċiproka. Aħna nittamaw ukoll li biż-żmien tiżviluppa f’parteċipazzjoni aktar sħiħa f’Ewropa unita.”

“Hu ta’ inkoraġġiment ninnutaw li l-Komunità, min-naħa tagħha, torbot importanza politika speċjali għall-assoċjazzjoni tagħha ma’ Malta. Il-karattru Ewropew iktar minn dak Mediterranju kien il-konsiderazzjoni dominanti. Napprezzaw ukoll il-fatt li fil-proċess riċenti tal-evoluzzjoni tal-Komunità ’l barra mill-fruntieri tagħha, aħna konna fost l-ewwel li nkunu kkunsidrati għall-assoċjazzjoni.”

L-ewwel pass

Għal pajjiżna dan kien l-ewwel pass lejn sħubija f’dak li ġie wara l-Kummissjoni Ekonomika Ewropea, jiġifieri l-Unjoni Ewropea. Triq li ma kinetx waħda għall-wita. L-ewwel nett għaliex fl-1971 tela’ l-Gvern ta’ Mintoff li ftit li xejn kien jinteressah mill-Ewropa tal-Punent. U mbagħad meta fl-1987 kellna Gvern Nazzjonalista u beda t-triq lejn sħubija fl-Unjoni Ewropea, ġie mfixkel mill-elezzjoni tal-Gvern ta’ Alfred Sant li ffriża l-applikazzjoni ta’ pajjiżna.

Fl-1998, wara li Sant tilef l-elezzjoni, l-applikazzjoni nħarġet mill-friża, bdiet tiġi mill-ġdid negozjata, sar referendum li r-riżultat tiegħu ma ġiex aċċettat mill-Partit Laburista. Wara dan fi żmien xahar saret elezzjoni ġenerali li tat rebħa lill-Partit Nazzjonalista u hekk direzzjoni lejn l-Unjoni Ewropea.

Triq twila li bdiet fl-1962. Li kellha l-ewwel suċċess tagħha fil-5 ta’ Diċembru 1970 meta tqiegħdu s-sisien tal-għaqda mal-KEE. Li ġiet inkurunata membru tal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004.

Il-Partit Nazzjonalista dejjem wera li jkunu xi jkunu l-ostakli dak li jemmen li hu ta’ ġid għal pajjiżna jaħdem għalih u ma jiqafx sa ma jottjenih. Hekk għamel bil-kisba tal-Indipendenza. Hekk għamel bl-assoċjazzjoni ta’ pajjiżna mal-KEE u iktar tard bis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.