Futbol Sport

Manchester United jissuperaw lil West Ham f’Londra u jaqbżu r-raba’

(Ritratt: EPA)

Manchester United irreaġew bl-aħjar mod għad-disfatta ma’ Paris St-Germain fiċ-Champions League b’rebħa tajba, 3-1, barra minn darhom, kontra West Ham United.

Grazzi għal dan is-suċċess, ir-Red Devils, issa, qabżu lil Manchester City fir-raba’ post tal-Premier League wara għaxar logħbiet — bir-rebħa fil-London Stadium tkun partikularment sinifikanti peress li hi d-disa’ waħda konsekuttiva għat-tim ta’ Ole Gunnar Solskjaer  fil-league, barra minn daru.

West Ham ukoll kienu ġejjin minn sekwenza ta’ tliet rebħiet konsekuttivi, bil-Hammers, ilbieraħ, isiru l-ewwel klabb tal-Premier League li laqa’ lura lill-partitarji wara assenza ta’ disa’ xhur minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

It-tim ta’ Londa, fil-fatt, kien superjuri għal United f’kull dipartiment waqt l-ewwel 45 minuta u daħal jistrieħ meritatament fil-vantaġġ wara li Tomas SOUCEK (38) sab ix-xibka b’daqqa ta’ ras fit-38 minuta. West Ham setgħu rduppjaw qabel il-mistrieħ iżda Sebastien Haller żelaq quddiem lasta vojta u wara li kien irnexxielu jaqbeż lill-gowlkiper Henderson — biċ-ċans tad-deheb jintilef.

Fit-tieni taqsima Man United kienu tim mibdul u rnexxielhom idawwru r-riżultat b’xutt bomba ta’ Paul POGBA (65) u bis-sostitut Mason GREENWOOD jirdoppja tliet minuti wara. Fit-78 minuta kien imiss lis-sostitut l-ieħor, Marcus RASHFORD, li jniżżel ismu mal-iskorers b’chip perfett minn fuq il-gowlkiper Fabianski li kien ħareġ f’saqajn l-attakkant ta’ United.

Manchester City komplew bil-forma tajba fil-kampjonat b’rebħa oħra, faċli (2-0) din id-darba għall-ispejjeż ta’ Fulham, fl-Etihad Stadium. B’din ir-rebħa, is-Citizens ta’ Pep Guardiola telgħu r-raba’ fil-Premier League bl-istess punteġġ bħal Leicester City (18) iżda b’differenza ta’ gowls superjuri għall-Foxes.

Ġimgħa wara li ddominaw għal kollox lil Burnley b’rebħa ta’ 5-0, City mill-ġdid kellhom wisq kwalità għal Fulham u setgħu anki żiedu maż-żewġ gowls skurjati li kieku ma ħlewx diversi okkażjonijiet tajbin quddiem il-lasta ta’ Alphonse Areola.

Man City ħarġu jfittxu gowl kmieni u wara biss ħames minuti Kevin de Bruyne għadda ballun perfett lil Raheem STERLING biex jagħmilhom 1-0 mill-viċin.

Għoxrin minuta wara, Sterling twaqqa’ fil-kaxxa minn Joachim Andersen għal penalty ċar – b’DE BRUYNE ma jiżbaljax mill-ħdax-il metru għat-2-0.

Il-kumplament tal-logħba rat lil City jamministraw il-vantaġġ, bi Sterling u de Bruyne ikunu miċħuda minn Areola li wettaq sensiela ta’ saves tajbin biex żamm l-iżvantaġġ għal żewġ gowls biss.

Fl-ewwel logħba tal-programm, Burnley u Everton ħadu punt kull wieħed fi dro, 1-1, f’Turf Moore.

Il-logħba kienet waħda divertenti, bil-Clarets jiksbu vantaġġ kmieni meta Robbie BRADY sab ix-xibka ta’ Pickford b’xutt qawwi fil-baxx wara tliet minuti. Il-gowl ħasad lil Everton iżda t-Toffees irkupraw meta injury lil Fabian Delph ġiegħelithom jibdlu t-tattika u fejn huma mal-ewwel dehru aktar perikolużi quddiem il-lasta ta’ Nick Pope.

Fil-fatt, Everton irnexxielhom jiksbu parità fl-aħħar sekondi tal-ewwel taqsima — eżattament fit-tielet minuta tal-ħin miżjud – meta Dominic CALVERT-LEWIN żgiċċa lid-difensuri ta’ Burnley u xeħet ġewwa fuq il-cross baxx ta’ Richarlison.

Fit-tieni taqsima iż-żewġ tims kellhom iċ-ċansijiet għat-tliet punti iżda Pickford u Pope ċaħdu t-tentattivi insidjużi mill-attakkanti avversarji, bl-iskor ma jinbidilx.