Lokali

Strateġija biex jippruvaw jitbegħdu minn Muscat

Issa li m’għadux Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, il-membri tal-Kabinett qishom qed jippruvaw jitbegħdu mil-legat ta’ Joseph Muscat, anke wara li s-sena li għaddiet ingħata t-titlu tal-aktar politiku korrott fid-dinja.

L-għada li Muscat xehed fil-Qorti fl-Inkjesta dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, il-Ministru Aaron Farrugia ma ħassux komdu jikkummenta dwar ix-xhieda li ta l-eks Prim Ministru.

Meta mistoqsi direttament jekk jemminx ix-xhieda li ta Muscat, Aaron Farrugia ħarab milli jwieġeb billi qal li jekk ix-xhieda ta’ Muscat titwemminx jew le, għandhom jarawha l-membri fil-Bord tal-Inkjesta.

Fl-istess waqt, u b’konferma tal-istrateġija tal-Partit Laburista li jipprova jinqata’ mill-passat ta’ Muscat, il-Ministru Farrugia ma qabilx mad-dikjarazzjoni tal-eks Prim Ministru, li fil-Qorti qal li Daphne Caruana Galizia kienet irrelevanti.

Anzi, u fi sforz minn Kastilja biex jippruvaw jintogħoġbu minn kulħadd, il-membri tal-Kabinett jidhru li ngħataw l-istruzzjonijiet li jfaħħru xogħol il-ġurnalista assassinata. Fil-fatt, Aaron Farrugia qal li – għall-kuntrarju ta’ dak li qal Muscat – jemmen li Daphne Caruana Galizia hi relevanti.

Sa Jannar li għadda, Aaron Farrugia kien parti mill-Kabinett immexxi minn Muscat, fejn kien fdat mill-Fondi Ewropej. Iżda llum, Farugia qed iħossu skomdu ferm jiddefendi lill-eks Prim Ministru u eks Mexxej tal-partit tiegħu stess.

L-istess Gvern u partit li fil-passat għamel kampanja wara l-oħra kontra Daphne Caruana Galizia, fosthom b’Membri Parlamentari li għamlu minn kollox biex jippruvaw jagħlqu ħalq il-ġurnalista.