SAN GWANN …………………………. 1
ST. ANDREW’S ………………………. 1
San Gwann: C. Formosa, J. Bowman, D. Fava, L. Mallia, C. Gauci, P. Kanzurov, O. Spiteri, Z. Bowman, A. Zammit, C. Gauci, U. Calistus.
St.Andrew’s: D. Formosa, M. Muscat, N. Bradshaw, M. Vella Vidal, J. Farrugia, R. Micallef, M. Bartolo, A. Borg Olivier, Z. Muscat, K. Jackson, K. Bituemi.
Referee: Glen Tonna
San Gwann u St. Andrew’s kisbuy punt kull wiħed f’logħba bilanċjata li kienet deċiża b’żewġ gowls fit-tieni taqsima, riżultat ġust li jikkuntenta liċ-ċewġ naħat.
L-ewwel taqsima kienet bilanċjata u bi ftit azzjonijiet ta’ skor. Il-logħba ftit offriet spunti nteressanti u l-goalkeepers ftit kienu mpenjati. Cain Formosa fil-lasta ta’ San Gwann wettaq save mill-aqwa fuq konklużjoni angolata Borg Olivier.
Fit-tieni taqsima l-andament tal-logħba ftit inbidel u fit-53 minuta San Gwann resqu qrib b’xutt ta’ Kanzurov li għadda ftit barra. Mas-siegħa logħob St. Andrew’s fetħu l-iskor meta minn azzjoni ta’ korner kien hemm taħwida quddiem il-lasta bil-goalkeeper jitlef il-ballun u finalment jidher li kien Malcom Vella Vidal li kompla l-ballun għal ġewwa.
Wara dan il-gowl St. Andrew’s bdew jilagħbu aħjar u Bituemi falla ċans minn qagħda tajba meta spara għoli. Fl-74 minuta kross ta’ Luca Mallia deher jaħbat ma’ id Matthew Bartolo bir-referee jordna l-penalty li minn Andrea Zammit skorja b’xutt b’saħħtu.Minn hawn ‘l quddiem kienet l-isbaħ parti tal-logħba, logħba li nfetħet għal kull riżultat biż-żewġ naħat ifittxi l-gowl tar-rebħa, gowl li baqa’ ma wasalx.
Punti prezzjużi għal Fgura
FGURA U. …………………… 2
NAXXAR L. ………………….. 0
Fgura U: B. Bartolo, C. Ciantar, J. Stenson, S. Abela, J.P. Attard, T. Grech, G. Martin, J. Vella, J. Cassar, N. Ojuola, G. Galea.
Naxxar L: O. Borg, M. Fenech. M. Mifsud, E. Farias, E. Ferreira, A. Azzopardi, R. Cassar, J. Ellul, R. Zuniga, S. Meilak, B. Schembri.
Referee: Stefan Pace
Fgura kisbu rebħa prezzjuża fin-naħa t’isfel tal-klassifika meta b’żewġ gowls fl-ewwel taqsima għelbu l-isfida ta’ Naxxar, li kienu ġejjin minn fażi tajba fejn kienu kisbu żewġ rebħiet fl-aħħar żewġ ħarġiet tagħhom.
Għal Fgura b’hekk tintemm is-serje negattiva ta’ sitt logħbiet mingħajr rebħa.Fgura kellhom bidu tajjeb u marru fil-vantaġġ wara għaxar minuti logħob meta Svain Abela b’xutt sabiħ ħasad għal kollox lil Omar Borg bil-ballun fir-rokna ta’ fuq tax-xibka.
Naxxar ippruvaw iwettqu reazzjoni iżda kienet pjuttost konfuża anki jekk l-azzjonijiet tagħhom kienu mill-iktar persistenti, iżda fil-verita Naxxar kważi qatt ma mpenjaw lill-goalkeeper ta’ Fgura. Erba’ minuti mill-intervall Fgura skorjaw it-tieni gowl meta xutt ta’ Vella kien imxellef għal ġewwa minn difensur ta’ Naxxar.
Kif kien mistenni fit-tieni taqsima Naxxar xeħtu kollox fuq l-attakk u iktar ma beda għaddej il-ħin iktar il-logħba bdiet tieħu s-sura ta’ assedju minn naħa tal-Lions li ma setgħux iżda jsibu x-xibka avversarja. Resqu qrib fis-57 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ Ryan Cassar li ħabtet mal-lasta u kellhom l-isbaħ opportunita’ fit-83 minuta meta rebħu penalty għal fawl fuq Ferreira, iżda l-goalkeeper Bartolo salva x-xutt mill-11-il metru ta’ Edson Farias.
BOV CHALLENGE LEAGUE
Ilbieraħ: Marsaxlokk v Qormi 3-0, Mqabba v Pietà H. 2-1 Illum: Vittoriosa S. v Pembroke A. 1-1, Fgura U. v Naxxar L. 2-0, San Ġwann v St. Andrew’s 1-1, Qrendi v St. George’s 2-1, Marsa v Żebbuġ R. 1-0