L-aħħar fażi tat-taħditiet għal ftehim kummerċjali ta’ wara Brexit għadha mxekkla mid-diżgwid dwar l-aspetti tas-sajd u r-regoli għall-kummerċ li jridu japplikaw ladarba r-Renju Unit, fl-aħħar tal-2020, jispiċċa uffiċjalment minn membru tal-Unjoni Ewropea wara li jikkonkludi s-sena tat-tranżizzjoni.
Sadanittant, numru ta’ sorsi viċin it-taħditiet – l-istess bħall-Ministru Irlandiż għall-Affarijiet Barranin, Simon Coveney – qed itennu li l-konklużjoni ta’ ftehim hu fl-aħjar interessi ta’ kulħadd, meta Londra u Brussell qegħdin iħarsu lejn relazzjoni ġdida bilaterali mill-bidu tal-2021.
Hu minnu wkoll li l-UE hi ansjuża li l-ftehim iseħħ, għaliex sitwazzjoni ta’ ‘no deal’ ikollha riperkussjonijiet negattivi għan-negozji u intrapriżi tal-Istati-membri. Nuqqas ta’ ftehim kummerċjali jirriżulta wkoll fi ‘ħmar-il lejl potenzjali’ għall-komunitajiet tas-sajjieda li jiddependu ħafna mill-aċċess għall-ibħra tar-Renju Unit.
Lord David Frost, bħala n-negozjatur ewlieni għar-Renju Unit fil-kwistjoni ‘Brexit’, jinsab fi Brussell għat-taħditiet importanti u fi żmien meta qed javviċina d-deadline għal ftehim.
Min-naħa tiegħu, George Eustice, is-Segretarju Britanniku responsabbli mill-Ambjent, qal li filwaqt li l-partijiet interessati qegħdin jaħdmu lejn ftehim, wieħed ma jistax jinjora l-intoppi sinifikanti li għad fadal . Dan meta l-aktar issue delikat tinvolvi proprju l-aċċess lejn l-ibħra territorjali tar-Renju Unit għall-bastimenti tas-sajd tal-Istati Ewropej.
L-intopp prinċipali l-ieħor jitratta l-miżuri li jridu jittieħdu biex in-negozji u l-intrapriżi tan-naħat involuti jaċċertaw minn sistema ta’ kompetizzjoni ġusta.
F’każ li ma jintlaħaqx ftehim, mistenni li, fl-aħħar tas-sena, ikunu introdotti l-ispezzjonijiet mal-fruntiera, flimkien mat-taxxi għall-prodotti li jkunu trasportati bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea.
//= $special ?>