Coronavirus Lokali

COVID-19: Żewġ vittmi oħra; 97 każ pożittiv ġdid

Il-Ministeru għas-Saħħa ħabbar li żewġ anzjani mietu bil-COVID-19 biex b’hekk it-total ta’ vittmi issa tela’ għal 151.

Fl-ewwel każ, anzjan ta’ 69 sena, li kien ikkonfermat pożittiv għall-Covid-19 fil-21 ta’ Novembru, miet tard ilbieraħ filgħaxija fl-Isptar Mater Dei. Fit-tieni każ, anzjan ta’ 81 sena, li kien ikkonfermat pożittiv għall-Covid-19 fit-18 ta’ Novembru, miet dalgħodu fir-Residenza San Vinċenz de Paul.

Intant, fl-aħħar 24 siegħa f’pajjiżna ġew irreġistrati 97 każi oħra ta’ COVID-19.

Min-naħa l-oħra, fl-aħħar sigħat fortunatament fiequ 107 persuna oħra. B’hekk, meta wieħed iqis ukoll lill-149 li s’issa huma rrappurtati li tilfu ħajjithom kawża tal-virus, isib li l-każi attivi huma 1,979.

Il-każijiet irreġistrati llum għadhom qed jiġu investigati. Mill-każijiet tal-bieraħ 22 każ huma minn membri tal-familji ta’ każijiet passati, tmien każi kellhom kuntatt ma’ kollegi tax-xogħol pożittivi, tnejn oħra kellhom kuntatt dirett ma’ persuna pożittiva, u żewġ każi oħra ħarġu minn attivitajiet soċjali.