Lokali

“Hu ta’ sodisfazzjoni li l-Papa ħatarni Kardinal” – L-Isqof Mario Grech

“Huwa ta’ sodisfazzjon personali għalija li meta l-Papa Franġisku ħatarni kardinal ma tanix djoċesi titulari oħra, imma ħallieni Isqof emeritu ta’ din id-Djoċesi maħbuba tagħna. Għalija dan huwa impenn ieħor biex nibqa’ nġorrkom fil-qalb paterna tiegħi. Kif diġà kelli l-okkażjoni nagħmel, illum nerġa’ nqiegħed is-sejħa u l-missjoni tiegħi taħt il-ħarsein matern tal-Madonna Ta’ Pinu.”

Kien dan kliem l-Isqof Kardinal, Mario Grech waqt il-Konċelebrazzjoni Solenni ta’ Radd il-Ħajr għall-ħatra tiegħu bħala Kardinal li saret il-Ħadd fir-Rotunda parrokkjali ta’ San Ġwann Battista, ix-Xewkija.

Hu wiegħed li se jkun qed jaqdi dmiru bl-aħjar mod possibli fi ħdan il-ministeru l-ġdid li l-Papa fdalu biex jgħin lill-Knisja fil-mixja sinodali tagħha. Dan biex b’hekk il-Knisja timxi fuq il-linji tal-Vanġelu u fl-istess waqt timxi id f’id man-nies.

Mario Grech qal li permezz ta’ dan l-irwol se jkun qed jgħin lin-nies għad-direzzjoni li timlielhom qalbhom, b’mod speċjali f’dan iż-żmien tal-pandemija li ġabet magħha sħabha sewda ta’ qtigħ ta’ qalb fost il-Maltin kollha.

“Biżżejjed insemmu l-qagħda ekonomika li qed toħloq għamliet ġodda ta’ faqar, partikolarment meta jkun hemm theddida li jintilef ix-xogħol; jew it-toqol tas-solitudni li qed jagħfas fuq dawk li, biex iħarsu s-saħħa tagħhom u tal-oħrajn, għażlu li jibqgħu ġewwa,” qal il-Kardinal, Mario Grech.

Il-Kardinal Mario Grech inħatar mill-Papa fit-28 ta’ Novembru li għadda fil-Vatikan flimkien ma’ 12-il Kardinal ieħor. Il-Kardinal Elett Malti kien indirizza lill-Papa hu stess f’isem il-Kardinali kollha, privileġġ li ġie fdat f’idejn l-Isqof Grech mill-Papa nnifsu.