Lokali

Il-Gvern se jxolji lill-Malta Med Air

• Falla bl-ikrah il-Ministru Silvio Schembri u issa spiċċa b'dekasteru ferm imċekken milli kellu • Silvio Schembri fittex il-piki mal-ħaddiema tal-Air Malta li min-naħa tagħhom mhux se jinsew minn dak li għaddew • Il-Gvern konxju li jekk irid jieħu xi forma ta' għajnuna finanzjarja mill-Unjoni Ewropea biex isalva lill-Air Malta... allura jrid ixolji l-Malta Med Air

Il-Gvern qiegħed jippjana li fil-ġimgħat li ġejjin ixolji għal kollox il-kumpanija tal-ajru Malta Med Air.  Il-Malta Med Air oriġinarjament kienet twaqqfet mill-Gvern bl-iskuża li tissalvagwardja s-slots tal-kumpanija nazzjonali tal-ajru l-Air Malta.

Iżda fil-verità l-Malta Med Air kienet twaqqfet mill-Gvern bħala theddida għall-piloti tal-Air Malta darba kien wasal it-tiġdid tal-ftehim kollettiv magħhom fl-2018.

Nifhmu li d-deċiżjoni tal-Gvern li jxolji lill-Malta Med Air se twassal biex iċ-ċirka għoxrin impjegat tagħha jispiċċaw b’futur imċajpar dwar id-dħul.

Ta’ min jgħid li l-Eks Ministru Konrad Mizzi, dwar it-twaqqif ta’ Malta Med Air kien qal bil-kitba nhar it-23 ta’ Marzu 2019, li ma kien hemm l-ebda pjani li ssir linja tal-ajru oħra li tikkompeti mal-Air Malta.

Din il-wiegħda ta’ Konrad Mizzi tikkontradixxi sew dak li kien qal wara l-Ministru Silvio Schembri li kien qal li l-Malta Med Air qed tagħmel l-ewwel titjijra tagħha lejn l-Ajruport Chopin ġewwa Varsavja permezz ta’ ajruplan tagħha – proprjament kien tal-Air Malta – Air Bus 320 bir-reġistrazzjoni 9H-AEO.

Il-Ministru Silvio Schembri kien qal li l-linja l-ġdida tal-ajru Malta Med Air, li kienet imwaqqfa fl-10 ta’ Jannar 2018 mill-Gvern Laburista Malti, li din se tkun qed tħaddem numru ta’ titjiriet skedati lejn destinazzjonijiet Ewropej.

Silvio Schembri kien qal ukoll li l-Malta Med Air kien ilha topera minn Marzu tal-2018 fuq bażi ACMI għall-Air Malta. Iżda mill-1 ta’ Awwissu 2020 din bdiet topera titjiriet bl-ekwipaġġ tagħha stess.  It-titjiriet li bdiet topera dakinhar il-Malta Med Air, kienu titjiriet charter għal kumpaniji privati, kif ukoll għall-Assoċjazzjoni Maltija tal-Football (MFA).

Jingħad li dawn it-titjiriet kienu rikjesti mill-Air Malta iżda din għaddiethom lill-Malta Med Air.

Hemm impjegati fl-Air Malta, fosthom Paul Sies b’salarju ta’ €150,000 fis-sena u aktar, li qed jaħdmu biex jiffaċilitaw l-operat għall-Malta Med Air.

Dan minkejja li l-Air Malta qed topera b’telf finanzjarju kbir li attwalment jammonta għal miljuni kbar ta’ ewro. 

Hemm provi suffiċjenti li qed tgħaddi x-xogħol lill-Malta Med Air.

Il-ħaddiema tal-Air Malta huma tassew inkwetati dwar il-futur tagħhom peress li x-xogħol kollu waqt il-pandemija għadda lill-Malta Med Air sempliċiment biex il-Gvern ikompli jgħakkes lill-ħaddiema tal-Air Malta kemm jekk huma piloti, kemm jekk huma cabin crew, u anki jekk huma inġiniera.

Ta’ min ifakkar li dakinhar il-ħaddiema tal-Air Malta kienu mħassba li din il-kumpanija ġdida kienet se titwaqqaf proprju bħala theddida fil-konfront tal-impjieg tagħhom.

Ix-xoljiment tal-kumpanija Malta Med Air hu direttament relatat mal-isforzi li qed jagħmel il-Gvern biex iġib għajnuna finanzjarja mill-Unjoni Ewropea biex jipprova jsalva lill-Air Malta.

Fl-isfond ta’ dan, tajjeb li jingħad li oriġinarjament il-Gvern kien talab għajnuna finanzjarja mingħand l-Unjoni Ewropea kemm għall-Air Malta u anki għall-Malta Med Air. Dan meta fil-verità l-Gvern seta’ jitlob għajnuna biss għall-Air Malta bħala l-kumpanija nazzjonali tal-ajru.

Minn hawnhekk bdew il-kumplikazzjonijiet għall-Air Malta aktar u aktar meta beda jirriżulta li l-għajnuna finanzjarja mill-Unjoni Ewropea għall-Air Malta ma kenitx daqstant faċli minħabba l-inkompetenzi ta’ kif għaraf jiġġestixxi l-Gvern l-aġenda dwar l-Air Malta.