Lokali

“Il-Prim Ministru jrid juri responsabbilta’ u ma jirrepetix l-iżbalji li għamel dan is-sajf” – PN

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li wara pressjoni mill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, il-Prim Ministru għamel u-turn u issa qed jgħid li se jippubblika l-istrateġija dwar il-vaċċinazzjoni tal-COVID-19.

Il-pubblikazzjoni tal-istrateġija hija biss parti minn dak li għandu jagħmel il-Gvern u wara li jippubblikaha għandu wkoll jikkonsulta mal-istakeholders dwar l-istess strateġija.

L-istqarrija kompliet tgħid li l-Prim Ministru jrid juri responsabbilta’ u ma jirrepetix l-iżbalji li għamel dan is-sajf u li wasslu biex ixejnu s-sagrifiċċji kbar li kienu saru mill-Maltin u l-Għawdxin.

Il-PN qal li l-Prim Ministru għandu jagħmel dikjarazzjoni u jagħti rendikont tal-falliment tal-Gvern fil-vaċċinazzjoni tal-influwenza staġjonali u jrid iserraħ moħħ il-poplu li l-Gvern mhux se jirrepeti l-istess żbalji.

Dan gvern inkompetenti u l-poplu qed ikollu jħallas ta’ din l-inkompetenza, temmet tgħid l-istqarrija tal-PN.