Lokali

“Irridu riforma fil-liġijiet tad-divorzju u tal-vjolenza domestika” – Bernard Grech

“Irridu riforma fil-liġijiet tad-divorzju u tal-vjolenza domestika. Aħna qegħdin fil-politika biex inservu u ntejbu l-kwalita’ tal-ħajja tan-nies.  Qegħdin fil-politika biex naraw li l-liġijiet tagħna qed jilħqu l-għan tagħhom li jservu biex intejbu l-ħajja tan-nies.”

Kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta l-Ħadd filgħodu indirizza attività fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.

Bernard Grech qal li l-Oppożizzjoni qed tistenna li tibda d-diskussjoni dwar il-liġi tad-divorzju mill-aktar fiss fejn l-Oppożizzjoni qed tipproponi diversi emendi.  

Saħaq li hemm bżonn ta’ mekkaniżmu sabiex il-manteniment ikun ibbażat fuq kalkolu ċar filwaqt li l-Qorti tal-familja għandha tibda tiffunzjona aħjar.

Bernard Grech qal li l-ikbar tħassib tan-nies bħalissa hija l-kwistjoni tal-covid. Għalhekk huwa importanti li jkun hemm tama għall-futur bl-avvanzi li qed isiru fir-rigward tal-vaċċin, iżda n-nies xorta jibqgħu kawti u jibqgħu isegwu l-pariri tal-esperti mediċi.

Il-Kap tal-PN irringrazzja lill-front liners għall-ħidma imprezzabbli tagħhom filwaqt li appella lill-Prim Ministru biex ma jirrepetix l-iżball li għamel is-sajf li għadda fejn kien qal li rbaħna dan il-virus.

Dwar it-turiżmu, il-Kap tal-PN qal li huwa minnu l l-covid ġabet diffikultajiet kbar, imma huwa nuqqas kbir ukoll ta’ min kellu jieħu ħsieb.

Bernard Grech saqsa dwar x’qed iżomm il-Gvern milli jħabbar kif se jqassam il-vouchers li ħabbar b’tant pompa fil-budget li għadd u X’qed iżomm lill-Gvern milli jħabbar li se jestendi l-wage supplements għas-setturi l-iktar milquta sa’ Ġunju li ġej biex ikompli jnaqqas mill-inċertezza.

Saħaq li hemm diversi setturi ekonomiċi li jinsabu għarkobbtejhom minħabba din il-pandemija u għalhekk il-Ministru Owen Bonnici ma jistax jiżbalja wkoll f’dan il qasam.

Bernard Grech qal li Robert Abela tilef il-kontroll, fejn kollox jgħaddi, fejn xejn mhu xejn. Ftit tal-jiem ilu assistejna għal xena inkredibbli tal-eks Prim Ministru, Joseph Muscat, jixhed quddiem bord ta’ inkjesta fejn l-uniku rimors li wera kien li meta nqatlet Daphne Caruana Galizia fehem li l-karriera politika tiegħu ntemmet. 

Dwar il-każ ta’ Ian Borg, il-Prim Ministru baqa’ sieket..frisk bħal ħassa f’każ ieħor li jkompli jixhed l-arroganza ta’ dan il-Gvern li l-poter telgħalu għal rasu.

Fuq dak li qal id-Direttur tal-Ħabs, Bernard Grech qal Robert Abela messu ddisassocja ruhu minn dak li ntqal. Iżda sfortunatmane qed nassistu Prim Ministru li qed isawwar kultura ta’ impunita’

Bernard Grech sellem il-memorja ta’ Raymond Caruana li hi tebgħa fl-istorja ta’ pajjiżna, tebgħa mhux għax inħasdet ħajja ta’ żagħżugħ iżda għax kontinwament irridu nibqgħu niftakru li meta naghmew wara l-politika partigjana u nħallu r-rabja u l-vjolenza taħkimna, twassalna għal atmosfera ta’ impunita.  

Il-Kap tal-PN qal li quddiem din is-sitwazzjoni kollha huwa bżonnjuż iktar minn qatt qabel li l-Partit Nazzjonalista jkompli jissaħħaħ biex ikun f’pożizzjoni li jippreżenta ruħu bħala Gvern alternattiv.

Saħaq li l-Partit se jkompli jersaq lejn in-nies u jħejji politika li se twassal lil pajjiż biex jagħmel qabżiet kbar ‘il quddiem u joffri sens ta’ tama  wens.