Il-pulizija Taljana arrestat 19-il persuna li huma akkużati bħala ‘elementi importanti’ fi grupp ta’ traffikanti tan-nies li kien ħa ħsieb diversi vjaġġi tal-immigranti illegali lejn l-Ewropa.
Is-suspettati, allegatament, mexxew lill-immigranti minn pajjiżi bħall-Iraq, l-Afganistan u l-Pakistan lejn l-Italja – b’ħafna mill-immigranti, imbagħad, jivvjaġġaw lejn bnadi oħra fit-Tramuntana tal-Ewropa.
Il-persuni arrestati jinkludu Iraqqin-Kurdi, Taljani u Afgani – bil-pulizija tipprovdi d-dettalji wara investigazzjoni ta’ sentejn li sabet ir-rabtiet bejn dawn is-suspettati u traffikanti oħra tal-bnedmin ibbażati fil-Greċja u t-Turkija.
L-investigaturi bdew jindagaw dwar il-grupp involut fl-allegat traffikar tan-nies meta, fl-2018, bdew jaslu f’Sirakuża numru ta’ bastimenti mgħobbijin bl-immigranti. Skont il-pulizija, kull immigrant kien qed iħallas madwar 6,000 ewro għall-vjaġġ illegali.
Intant, il-prosekuturi qalu li l-immigranti twasslu l-Italja mill-inħawi tal-Greċja u t-Turkija — u meta għall-vjaġġi intużaw numru ta’ dgħajjes mikrija u oħrajn li nsterqu mingħand is-sidien.
Skont l-informazzjoni provduta mill-investigaturi – ilkoll membri ta’ gruppi speċifiċi li kienu qed jindagaw dwar it-traffikar – l-immigranti inkwistjoni ngħataw l-għażla li jibqgħu jgħixu l-Italja inkella jkomplu bil-vjaġġi lejn l-Ewropa ta’ fuq.
//= $special ?>