Lokali

Mistennija tiġi fi tmiemha l-investigazzjoni dwar Pilatus Bank

Fil-jiem u ġimgħat li ġejjin mistennija tiġi fi tmiemha l-investigazzjoni b’rabta mal-allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus relatati mal-bank Pilatus wara xhur ta’ investigazzjonijiet li saru mill-Pulizija.

Dan ġie żvelat minn The Sunday Times of Malta fejn bħalissa l-investigaturi qed jiġbru d-dokumenti kollha neċessarji li ħolqu suspett fit-transazzjonijiet li saru għand il-bank Pilatus mingħajr ma ġew iċċekjati minn uffiċjali tal-bank, skont kif tgħid il-liġi.

Lura fl-2016, il-Bank Pilatus kien irnexxielu jaħrab minn rapport li kien sar mill-FIAU dwar operazzjonijiet sigrieta u n-nuqqas ta’ kontroll fid-dawl tal-ħasil ta’ flus, billi għadd ta’ dokumenti ma kinux nstabux. B’riżultat għal dan, l-Awtorità Bankarja Ewropea kienet ikkonkludiet li r-rapport tal-FIAU ma għamilx biżżejjed superviżjoni dwar il-bank wara li ngħalaq l-każ mingħajr ma mponew sanzjonijiet.

F’inkjesta li saret dwar il-bejgħ tal-passaporti u l-involviment tal-eks-Chief of Staff, Keith Schembri u l-Bank Piltaus, kien deċiż li l-investigazzjoni tkompli mill-Pulizija u jikkonkludu jekk il-ħlas ta’ €100,000 kienx tixħim jew ħlas lura b’self bejn Keith Schembri u Brian Tonna.