Lokali

Aġġornata: Tarbija, tifla u omm bi ġrieħi ħfief

Tarbija ta’ sena, tifla ta’ 10 snin u l-omm sofrew ġrieħi ħfief wara li kienu nvoluti f’inċident tat-traffiku s-Sibt għall-ħabta tal-11.30 ta’ filgħaxija fi Triq il-Qawra, San Pawl il-Baħar.

Skont kelliema għall-Pulizija, jidher li l-inċident seħħ bejn żewġ vetturi, fejn f’karozza minnhom kien hemm sewwieq ta’ 43 sena, mara ta’ 34 sena, anzjan ta’ 70 sena, u ż-żewġt itfal. Il-vettura l-oħra kienet misjuqa minn anzjan ta’ 60 sena.

Fuq il-post issejjħu membri tal-Pulizija, u tim mediku mill-Isptar Mater Dei biex jassisti lis-sewwieqa u l-passiġġiera. Mis-sitt persuni, kienu biss il-mara u ż-żewġt itfal li ttieħdu l-Isptar għal iktar kura, fejn iktar tard ġew iċċertifikati li qed isofru minn ġrieħi ħfief.

Konsegwenza ta’ dan l-inċident kellha tingħalaq it-triq ta’ quddiem numru ta’ lukandi prinċipali fiż-żona.