Futbol Sport

Rebħa komda għal Spurs fuq Arsenal fid-derby ta’ Londra

(Ritratt: EPA)

Rebħa komda għal Spurs fuq Arsenal fid-derby ta’ Londra

Tottenham Hotspur – b’Son Heung-min u Harry Kane fis-soltu vena formidabbli – komplew bil-bidu impressjonanti għall-istaġun b’rebħa, 2-0, fuq Arsenal fid-derby ta’ Londra.

It-trijonf kien ukoll suċċess personali għal Kane, l-attakkant tat-tim nazzjonali Ingliż, li bil-gowl tiegħu sar l-aktar plejer li sab ix-xibka f’dan id-derby jaħraq għaż-żmien kollu li ilu jintlagħab.

Il-partitarji ta’ Spurs setgħu jirritornaw fin-New White Hart Lane għall-ewwel darba wara 277 ġranet u kellhom jistennew biss 13-il minuta biex jiċċelebraw il-gowl brillanti ta’ SON HEUNG-MIN —  li rċieva mingħand Kane u (waqt li d-difensuri tal-Gunners irtiraw lejn tarf il-kaxxa) venven ġmiel ta’ xutt bid-dawwra li ma ta l-ebda ċans lill-gowlkiper Bernd Leno.

Arsenal, wara l-gowl, bdew jiddominaw il-pussess iżda mill-ġdid urew li huma tim nieqes mill-kwalità u l-ideat, fejn ftit li xejn ħabbtu lid-difiża ta’ Spurs.

Intant, fl-aħħar tal-ewwel taqsima, Spurs reġgħu qabdu lill-Gunners fuq sieq waħda u, wara kontra-attakk veloċi, Son ipprovda assist lil HARRY KANE li sab ix-xibka għat-tieni darba – bil-ballun jaħbat mal-parti t’isfel tal-mimduda qabel spiċċa ġewwa.

Dan kien il-ħdax-il gowl ta’ Kane fid-derby ta’ North London, bil-plejer anki qed jiċċelebra l-250 gowl tiegħu fuq livell ta’ klabb u mat-tim nazzjonali.

Fit-tieni taqsima Arsenal għamlu li setgħu biex jidħlu fil-logħba iżda mill-ġdid urew medjokrità  kollettiva, bi Spurs jamministraw il-vantaġġ sal-aħħar u bi ftit li xejn affann.

Liverpool laħqu lil Tottenham Hotspur fil-quċċata tal-Premier League b’rebħa kbira, 4-0, fuq Wolverhampton Wanderers f’Anfield Road – u meta r-Reds għandhom differenza ta’ gowls inferjuri għat-tim immexxi minn Jose Mourinho. Liverpool daħlu jistrieħu fil-vantaġġ b’gowl ta’ Mo SALAH (24) u bit-tliet gowls l-oħra jaslu minn WIJNALDUM (59), MATIP (67) u awtogol ta’ Nelson SEMEDO (78).

Leicester City kellhom għalfejn jirringrazzjaw lil Jame Vardy għal tliet punti diffiċli mill-konfront ma’ Sheffield United fi Bramall Lane – bl-attakkant isib gowl ieħor opportunist fir-rebħa, 2-1, għall-Foxes li kienet realizzata fid-90 minuta.

Fl-ewwel taqsima kienu Leicester li żblukkaw ir-riżultat meta Ayoze PEREZ (26) kien fil-post preċiż biex jixħet ġewwa, wara li d-difiża tal-Blades kienet ikkontrollat it-tentattiv ta’ Marc Albrighton. Madankollu, Leicester damu jgawdu l-vantaġġ għal żewġ minuti biss meta Oli McBURNIE għamilhom 1-1 fuq azzjoni ta’ korner biex ta nifs ġdid lit-tim tiegħu.

Il-logħba baqgħet kumbattuta sat-tmiem, iżda fl-aħħar ħinijiet James Maddison għadda ballun preċiż lil VARDY li żgiċċa lid-difensur Egan u, b’kalma kbira, għeleb lill-gowlkiper Ramsdale b’xutt għar-rokna biex jiddeċiedi l-konfront.

West Bromwich Albion sofrew telfa diżastruża, 1-5, f’darhom kontra Crystal Palace, bil-Baggies, issa jibqgħu t-tieni mill-aħħar fil-Premier League, bl-istess punteġġ (6) bħal Sheffield United iżda b’differenza ta’ gowls inferjuti.

Għal Palace kellu logħba kbira Wilfred Zaha, li rritorna fit-tim wara żmien indispost  minħabba li kien marad bil-coronavirus u li skurja darbtejn filwaqt li provda assist għal gowl ieħor.

Kien minn cross ta’ Zaha li Darnell FURLONG (8) ikkommetta awtogol klassiku biex jagħti l-vantaġġ lil Palace, iżda man-nofs-siegħa logħob, il-Baggies kisbu parità bix-xutt qawwi ta’ Conor GALLAGHER.

Erba’ minuti wara l-gowl tkeċċa Matheus Pereira ta’ West Brom wara inċident ma’ Patrick van Aanholt u minn dak il-ħin Palace ħadu kmand tal-logħba, fejn skurjaw erba’ darbiet oħra minn ZAHA (55, 68) u Christian BENTEKE (59, 82).

Din kienet anki l-ewwel darba li Palace qatt skurjaw ħames gowls barra minn darhom waqt logħba tal-ogħla diviżjoni Ingliża.

PREMIER LEAGUE
Il-Ġimgħa
: Aston Villa v Newcastle posp. Ilbieraħ: Burnley v Everton 1-1, Man City v Fulham 2-0, West Ham v Man Utd 1-3, Chelsea v Leeds 3-1 Illum: WBA v C. Palace 1-5, Sheff. Utd v Leicester 1-2, Tottenham v Arsenal 2-0, Liverpool v Wolves 4-0 Għada: Brighton v Southampton 9.00pm