Ftit jiem minn dikjarazzjonijiet ferm importanti fil-Qorti fil-konfront tal-Ministru Ian Borg f’kawża ta’ libell minn Mark Farrugia, Sensar-Kanvasser tiegħu, fil-konfront tal-ġurnal The Malta Independent.
Kawża ta’ libell dwar xiri ta’ proprjetà fir-Rabat u li fiha jirriżultaw fatti dwar kif il-Ministru Ian Borg kien akkwista biċċa art mill-isbaħ fil-wied ta’ Santa Katerina, fil-limiti tar-Rabat, mingħand persuna li hu meqjus bħala wieħed mill-aktar vulnerabbli.
Mis-smigħ ta’ dan il-proċess għal darb’oħra jirriżulta li għandna Ministru tal-Gvern li jixhed taħt ġurament iżda l-Qorti bl-aktar mod dirett tgħid li ssibha diffiċli ħafna biex temmnu! Jiġifieri l-Qorti b’mod pulit ħafna qed tgħid lil dan il-Ministru li x-xhieda li ta bil-ġurament mhix veritiera.
Imma l-Qorti ma tiqafx hawn. Il-Qorti tmur lil hinn u tindika diversi stanzi fejn qed tiddubita mix-xhieda tal-Ministru Ian Borg.
Il-Qorti tiddikjara li ma ssibx kredibbli x-xhieda ta’ Mark Farrugia u ta’ Ian Borg li huma ma kinux jafu bl-istat ta’ saħħa mentali ta’ Anthony Scicluna. Mark Farrugia jisħaq li l-familji ma kinux jitkellmu bejniethom u li allura ma setax ikun jaf.
Il-Qorti tgħid li hi ħaġa ferm dubjuża u li ma titwemminx li f’raħal żgħir bħalma hu Ħad-Dingli, in-nies ma jkunux jafu li wieħed minnhom – persuna li apparentement kienet maħbuba u magħrufa mar-raħal kollu – kellu problemi ta’ saħħa mentali tant kbar li saħansitra kien jeħtieġlu li jkun rikoverat fl-Isptar Mount Carmel għal xi żmien. Dan jgħodd iżjed u iżjed għall-familjari u iktar u iktar meta dawn jgħixu fl-istess lokalità.
Il-Qorti ssibha wkoll diffiċli ferm biex temmen li l-Ministru Ian Borg, li kien ilu jaf lil Anthony Scicluna għal madwar tmintax-il sena u li kien jaf dwar is-sitwazzjoni ta’ ġlied fil-familja tiegħu, ma jkunx jaf imbagħad dwar l-istat ta’ saħħa mentali tal-istess persuna.
Marbut mal-istat ta’ saħħa ta’ Anthony Scicluna hemm ukoll il-fatt li wara ġimgħat, jekk mhux ukoll xhur, ta’ tentattivi biex Anthony Scicluna jiġi mħajjar ibigħ il-proprjetà tiegħu lill-Ministru Ian Borg, f’ġurnata waħda, proprju dik il-ġurnata meta għal xi raġuni jew oħra Anthony Scicluna fl-aħħar għamel il-ħsieb li jbigħ l-art, Mark Farrugia, il-Ministru Ian Borg, Franco Sammut u n-Nutar Anthony Borg irnexxielhom jiffinalizzaw il-kuntratt finali f’inqas minn erbgħa u għoxrin siegħa!
Il-Ministru Ian Borg kellu bżonnn firma kruċjali
Fil-kwadru ta’ dan ix-xenarju kollu wieħed malajr jifhem li l-Ministru Ian Borg daħħalha f’moħħu li jixtri proprjetà mill-isbaħ fil-Wied ta’ Santa Katerina fil-limiti tar-Rabat, iżda kellu bżonn il-firma tas-sid… li iżda hu meqjus bħala wieħed vulnerabbli.
Meta wieħed jaqra l-proċess kollu f’dan il-każ ta’ libell, jifhem kif saru ħafna manuvri biex dan ir-raġel vulnerabbli finalment iċedi għall-pressjoni li kienet qed issirlu u jiffirma l-kuntratt. X’ġara? Ġara li allegatament Mark Farrugia, f’jum minnhom, ħa lil Anthony Scicluna, zijuh, jixrob minn bar għal bar jew f’diversi każini f’Ħad-Dingli u fir-Rabat bi skop frawdolenti u abbużiv.
Ġara li Anthony Scicluna, fis-sigħat bekrin tat-13 ta’ Jannar 2014, ittieħed għand in-Nutar Anthony Borg biex jiffirma l-kuntratt kontra l-volonta tiegħu. U hemmhekk saret pressjoni kbira fuq il-persuna vulnerabbli sal-punt li dan ċeda u kellu jiffirma.
Dwar dan kollu, Antonia Scicluna, mart Anthony Scicluna, qalet li hi saret taf aktar tard matul il-ġurnata tat-13 ta’ Jannar 2014 u wara li żewġha rritorna mix-xogħol.
Binhom Alexander Scicluna xehed li dakinhar li sar jaf ċempel kemm-il darba lil Mark Farrugia, iżda dan ma rrispondihx. Ipprova jaqbad ukoll lill-Ministru Ian Borg, iżda dan qallu li ma setax ikellmu.
Aktar tard Ian Borg ċempillu lura u hu (Alexander Scicluna) qallu: “Taf x’għamilt ma’ bniedem marid?”
Għal dan il-Ministru Ian Borg irrisponda: “Oqgħod attent x’qed tgħid. Dak int qed tgħidu.”
Ulied il-vittma jsemmgħu leħinhom li ġew misruqa
Xehed ukoll Christopher Scicluna, iben ieħor tal-koppja Scicluna, li qal li ftit ġimgħat wara dan kollu huma talbu laqgħa mal-Prim Ministru u ngħataw appuntament, iżda dakinhar iltaqgħet magħhom persuna oħra mibgħuta mill-Prim Ministru u dwar dik il-laqgħa huma baqgħu ma ħadu l-ebda sodisfazzjon.
Xehdet ukoll Sharon Scicluna li stqarret li kif saret taf b’dak li kien ġara, kienet marret għand Mark Farrugia u appena dan fetaħ il-bieb hi nfaqgħet tibki għaliex ma reditx temmen li missierha kien ittrasferixxa l-art lill-Ministru Ian Borg.
F’xhieda oħra Antonia Scicluna qalet li żewġha, wara dan kollu, kien jgħidilha li hu qatt ma ried ibigħ din l-art. Kien jgħidilha li kienu dawruh u li kien imġiegħel jiffirma. “Minn dakinhar ’l hawn żewġi kien rikoverat diversi drabi fl-Isptar.”
Interessanti wkoll id-deal li l-Ministru Ian Borg għamel ma’ persuna vulnerabbli… ta’ art mill-isbaħ u f’pożizzjoni unika ħallas biss €11,700 li minnhom €10,000 ingħataw lil Anthony Scicluna u l-kumplament marru bħala ħlas u taxxa tat-trasferiment.
Mix-xhieda li ngħatat fil-Qorti mill-Ministru Ian Borg, u mix-xhieda li ta s-Sensar tiegħu, irriżulta li l-prezz għall-proprjetà konċernata kien ta’ €14,000 u €10,000 rispettivament!
Kien sbieħ it-Tnejn, 13 ta’ Jannar 2014 li finalment kien sar l-iffirmar tal-kuntratt u l-Ministru Ian Borg għal din il-proprjetà kien spiċċa ħallas €11,700 li minnhom €10,000 ingħataw lil Anthony Scicluna.
Dan kollu kien seħħ fin-nuqqas ta’ preżenza ta’ xi tabib li seta’ jikkonferma jekk Anthony Scicluna kienx f’sikktu mentalment biex seta’ jiffirma tali kuntratt.
Dwar il-fatt li Anthony Scicluna kien persuna vulnerabbli minn diversi xhieda fil-Qorti rriżulta li Anthony Scicluna kien persuna vulnerabbli u bi problemi ta’ saħħa mentali tant li kellu storja wkoll ta’ kura fl-Isptar Mentali Mount Carmel. Dan kien ikkonfermat ukoll mill-Psikjatra tal-pazjent li ddikjara li Anthony Scicluna kien ilu għal snin twal ibati minn mard mentali.
Lill-vittma kulħadd kien jafu… minbarra Ian Borg
Il-Qorti semgħet ukoll lill-Ministru Ian Borg li qal li kien ilu jaf għal bosta snin lil Anthony Scicluna u kien jafu bi bniedem ferrieħi u għalhekk ma kellux għalfejn jiddubita jekk dan kienx kapaċi jew le li jiffirma kuntratt.
In-Nutar Anthony Borg qal li Anthony Borg deher quddiemu f’numru ta’ kuntratti oħrajn.
In vista ta’ dan ix-xenarju kollu l-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Victor G.Axiak, ċaħdet it-talba tal-libell u qalet li l-artiklu in kwistjoni kien jikkonsisti f’kummenti ġusti dwar kwistjoni ta’ interess pubbliku; liema kummenti kienu jikkonsistu fi kritika aċċettabbli f’soċjetà demokratika u f’eżerċizzju tal-libertà tal-espressjoni protetta mill-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna.
Bla dubju ta’ xejn li hawn jidħol ir-rwol tal-Prim Ministru Robert Abela, jekk verament hu hu l-Prim Ministru ta’ dan il-pajjiż.
X’se jagħmel issa quddiem din is-sentenza li tipponta lejn il-Ministru Ian Borg u tgħidlu li ddepożita xhieda bil-ġurament li hi diffiċli biex titwemmen?
X’se jagħmel il-Prim Ministru Robert Abela quddiem il-fatt li l-Qorti tgħid li x-xhieda li ta l-Ministru Ian Borg tirrigwarda wkoll persuna vulnerabbli li ddeċidiet, f’daqqa waħda, li tbigħ l-art tagħha għal prezz li l-Qorti ma tqisx li kien skont is-suq u li l-iffirmar tal-kuntratt fuq tali proprjetà sar f’jum wieħed biss u mingħajr ma saru r-riċerki meħtieġa.
Għaddew ftit jiem minn din is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iżda sa issa l-Prim Ministru Robert Abela għadu m’għamel xejn fil-konfront tal-Ministru Ian Borg li għandu ħafna x’jirrispondi.
//= $special ?>