Internazzjonali

Stati Uniti: Trump il-protagonista waqt il-kampanja tar-Repubblikani f’Georgia

Il-President Amerikan, Donald Trump, kien il-protagonista ta’ rally għar-Repubblikani fl-Istat ta’ Georgia, li kienet organizzata qabel l-elezzjonijiet ewlenin għas-Senat li se jsiru f’Jannar.

F’dan l-Istat iridu jsiru żewġ proċessi ta’ votazzjoni separati għas-Senat qabel l-elezzjonijiet diretti li huma programmati għall-5 ta’ Jannar — u fejn il-kandidati tal-Partit Repubblikan (ta’ Trump) qegħdin jiffaċċjaw kandidat rivali tal-Partit Demokratiku.

F’dan il-każ, is-Senatur Repubblikan David Perdue qed jikkuntesta kontra Jon Ossoff waqt li s-Senatur Kelly Loeffer qed tikkonfronta lir-Reverendu Raphael Warnock – politiku li jmexxi komunità Kristjana.

L-elezzjonijiet ta’ Jannar jiddeċiedu min, minn fost ir-Repubblikani u d-Demokratiċi, se jikkontrollaw il-Kamra ta’ Fuq tal-amministrazzjoni. Dan wara li Joe Biden sar l-ewwel kandidat Demokratiku li rebaħ f’Georgia waqt elezzjoni għall-Presidenza Amerikana, mill-1992.

Donald Trump għadu jirrifjuta li jammetti t-telfa fl-elezzjoni għall-Presidenza waqt li ħareġ b’diversi akkużi dwar qerq u frodi (matul il-vot) li ma kenux sostanzjati. Iżda fid-diskors tiegħu ta’ tmiem il-ġimgħa, il-President deher li kien qed ‘jirrikonoxxi’ it-telfa elettorali.

Fil-fatt, Trump qal li l-miżuri għall-politika barranija li introduċa hu stess jistgħu jitwarrbu dalwaqt minn Biden bħala l-President Amerikan-elett. Sadanittant, Biden se jieħu t-tmun tal-Istati Uniti uffiċjalment fl-20 ta’ Jannar irrispettivament minn jekk Donald Trump jammettix it-telfa jew le.