Lokali

Fl-aqwa tagħha l-maratona Ġbir ta’ Fondi tal-PN

Fis-Sala tad-Dar Ċentrali, f’xandira diretta fuq Net Television, Net FM u Facebook, għaddejja l-maratona Ġbir ta’ Fondi b’risq il-ħidma ma taqta’ xejn li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista.

Għal din l-okkażjoni, qed jitwassal kant, logħob u divertiment … b’xandira li bdiet fis-2:30pm u se tibqa’ għaddejja sal-11pm.

Is-Segretarju Ġenerali tal-PN Francis Zammit Dimech qal li jinsab kuraġġuż għax il-Partit qed jasal għand in-nies kollha. Hu saħaq li l-PN għandu element ġdid żgħażugħ, parteċipazzjoni ta’ diversi nisa pero tkellem dwar l-importanza tas-sehem ta’ persuni li ilhom parti mill-partit u jistgħu jgħinu ħafna bl-esperjenza tagħhom f’diversi oqsma tal-istess partit. Francis Zammit Dimech qal li l-ħidma fil-partit issir bħala mezz ta’ servizz għall-poplu Malti u Għawdxi kollu u l-għajnuna tan-nies se tkompli ssaħħaħ il-partit biex ikun jista’ jagħmel dan.

Matul ix-xandira ma jonqsux ukoll għadd kbir ta’ rigali, li se jkunu qed jittellgħu minn ħin għall-ieħor minn fost dawk li jkunu taw donazzjoni – bit-telefon jew billi jżur personalment id-Dar Ċentrali. Fil-fatt, fid-daħla tal-binja, wieħed se jkun jista’ jagħti d-donazzjoni tiegħu, kif ukoll jittessera jew iġedded it-tessera tiegħu fi stands li se jittellgħu għal tal-apposta.

Matul din il-Maratona, se tittella’ il-Lotterija PN, li oriġinarjament kellha titla’ ftit tax-xhur ilu. Madankollu, minħabba l-pandemija tal-Coronavirus, din kellha tiġi posposta.

Filwaqt li qed isir l-appell biex dawk li jixtiequ jipparteċipaw, isegwu u jagħtu d-donazzjoni tagħhom minn djarhom jew billi jkellmu lil xi membru tal-Kumitat Sezzjonali fil-lokalità tagħhom, it-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista qed tara li jkunu segwiti r-regolamenti kollha marbuta mal-pandemija tal-Coronavirus fil-każ tal-persuni li llum iżuru d-Dar Ċentrali.