Internazzjonali

Veneżwela: Elezzjoni kundannata bħala ‘frodi’

Il-poplu tal-Veneżwela qed jagħżel lill-277 membru tal-Assemblea Nazzjonali f’elezzjoni li saret fi tmiem il-ġimgħa u li spiċċat ibbojkottjata mill-parti kbira tal-partiti fl-Oppożizzjoni li qed jikkundannaw il-proċess bħala ‘frodi’.

L-elezzjoni qed issir fost ġlieda qalila għall-poter – li ilha għal sentejn – bejn il-President attwali tal-Veneżwela, Nicolas Maduro u r-rivali kbir tiegħu, Juan Guaido, li qed imexxi l-Oppożizzjoni fil-Veneżwela.

Wara li Maduro reġa’ kien elett fl-elezzjoni għall-Presidenza tal-2018 ( u fejn il-proċess kien imfisser bħala ‘mhux xieraq jew liberu’ ) Juan Guaido spiċċa rikonoxxut bħala ‘il-President proviżorju tal-Veneżwela’ mill-Assemblea Nazzjonali, l-Istati Uniti u ‘il fuq minn 50 pajjiż ieħor.

L-Assemblea Nazzjonali f’Caracas – li għandha lil Guaido bħala protagonista – hi l-unika istituzzjoni li mhix ikkontrollata mill-Partit Soċjalista (PSUV) ta’ Maduro. Intant, ix-xenarju mistenni li jinbidel f’din l-elezzjoni, meta l-partit ta’ Maduro mexxa kampanja intensiva ‘biex jirbaħ lura din l-istituzzjoni’.