Lokali Parlament

Bl-aġir tiegħu Abela sar kompliċi fil-ħabi tal-ħniżrijiet – Bernard Grech

Dakinhar li rrifjuta t-talba tal-Oppożizzjoni li ssir Inkjesta Pubblika dwar il-Power Station tal-Electrogas, bl-aġir tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela sar kompliċi fil-ħabi tal-ħniżrijiet imwettqa minn Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri.

Hu għalhekk li matul konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ħabbar li talab formalment li r-Rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-kuntratt tal-Electrogas ikun diskuss mill-aktar fis fil-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC). B’hekk, nittamaw li l-poplu jinħeles mill-mażra li rabtu biha għal 18-il sena l-Gvern Laburista.

Bernard Grech qal li, kif sab l-Awditur Ġenerali nnifsu, il-proġett tal-Power Station tal-Electrogas hu mifni b’irregolaritajiet. Iżda sal-lum, il-Gvern għadu qed iżomm il-kuntratti moħbija mill-Oppożizzjoni u għalhekk, qed ixekkel milli toħroġ il-verità kollha.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li b’vot favur il-Mozzjoni tal-Oppożizzjoni għal Inkjesta Pubblika Indipendenti – dwar din il-ħadma li qed tiswa lill-poplu 91 miljun ewro fis-sena f’kontijiet aktar għoljin tad-dawl u l-ilma – Robert Abela kien jiddiżassoċja ruħu mill-ħmieġ tal-predeċessur tiegħu. Iżda Abela għażel li jkun kompliċi fil-ħabi tal-ħniżrijiet li saru.

Tajjeb li jitfakkar li fil-leġislatura li għaddiet, l-Oppożizzjoni kienet talbet il-pubblikazzjoni ta’ dawn il-kuntratti, iżda l-Gvern Laburista kien ppreżenta dokumenti bil-maġġoranza tal-kuntratt mgħotti bl-iswed f’attentat biex taparsi jippubblikaw il-kuntratti, meta dan ma kienx il-każ.

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami – li hu wkoll iċ-Chairman tal-PAC – qal li mill-Erbgħa li ġej, il-Kumitat se jibda jiddiskuti u jara li tasal toħroġ il-verità.

Beppe Fenech Adami qal li r-Rapport tal-Awditur Ġenerali sar frott talba tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista fis-snin li għaddew, għalkemm il-Gvern ipprova jżeblaħ it-talba tal-Partit Nazzjonalista.

Id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus elenka l-għaxar punti li wasslu għal din it-talba tal-Oppożizzjoni.

Fost l-oħrajn fakkar fil-garanzija bankarja li ta l-Gvern u li kienet meqjusa bħala riskju finnzjarju kbir għall-poplu, kif ukoll bil-maħfra ta’ 18-il miljun ewro f’danni li suppost ġabar mill-kuntrattur, ladarba l-Power Station damet biex tlestiet. Ryan Callus tenna li l-Oppożizzjoni se tara li l-poplu ma jħallasx għall-iżbalji tal-Gvern.

U d-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li l-Oppożizzjoni għażlet li tiddiskuti dan ir-Rapport quddiem il-PAC għax trid li ssir ġustizzja mal-poplu. Minkejja li fl-aħħar snin ħarġet diversi informazzjoni ġdida, hu importanti li din l-informazzjoni tasal ukoll quddiem il-Kumitat Parlamentari.

Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jesiġi li l-Gvern jgħaddi r-Rapport kollu tal-NAO lill-Kumitat minflok il-verżjoni ċċensurata li nafu biha s’issa. Dan hekk kif il-Partit Nazzjonalista qed itenni li mhux aċċettabbli li l-Gvern ikompli ma jweġibx.

Preżenti wkoll għall-konferenza tal-aħbarijiet, il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament David Agius u l-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista Robert Cutajar.