L-osservaturi tal-fażi attwali tat-taħditiet dwar Brexit mhumiex jidhru ottimisti li l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit se jaslu għal ftehim kummerċjali li jkun sodisfaċenti għaż-żewġ naħat — u ladarba tintemm is-sena tat-tranżizzjoni għall-Britanniċi qabel itemmu għal kollox l-isħubija fl-Unjoni.
Filwaqt li komplew in-negozjati bejn Michel Barnier, bħala r-Rappreżentant tal-UE u Lord David Frost, li qed jippreżenta l-każ tar-Renju Unit fin-negozjati, numru ta’ intoppi – b’mod partikulari d-differenzi dwar is-sajd u r-regoli għall-kompetizzjoni ġusta fil-qasam tal-kummerċ – għadhom qed jistennew żblokk notevoli.
Sadanittant, il-Gvern tar-Renju Unit sostna li ‘fadal iż-żmien biex jintlaħaq qbil’, għalkemm is-sorsi qrib it-taħditiet indikaw ‘nuqqas ta’ ottimiżmu’ min-naħa tal-UE.
Fil-fatt, Michel Barnier, waqt li kien qed jaġġorna lill-ambaxxaturi tal-UE dwar l-aħħar żviluppi, għamilha ċara li ‘fadal id-diżgwid’ proprju dwar id-drittijiet tas-sajd u r-regoli li għandhom jamministraw il-kummerċ bejn Londra u l-UE wara l-31 ta’ Diċembru.
Dan meta l-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson qed iħejji biex jiddiskuti s-sitwazzjoni mal-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen.
Jekk jibqa’ ma jintlaħaqx ftehim ‘post Brexit’ sal-aħħar tas-sena, ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea għandhom jintroduċu t-tariffi u l-ispezzjonijiet mal-fruntiera għall-prodotti ta’ xulxin.
L-Unjoni Ewropea qed tgħid li jekk il-bastimenti tas-sajd tal-Istati membri ma jingħatawx aċċess għall-ibħra tar-Renju Unit, is-sajjieda Britanniċi mhumiex se jkollhom aktar ‘aċċess speċjali għas-swieq tal-Unjoni’ biex ibiegħu l-prodott. Iżda r-Renju Unit, mill-banda l-oħra, qed jinsisti bid-dritt li jikkontrolla ‘dak kollu li jseħħ fl-ibħra tiegħu bħala pajjiż sovran’.
Aspett ieħor ta’ diżgwid bejn Londra u Brussell, intant, jirrigwarda l-mod kif jistgħu jkunu solvuti l-kwistjonijiet kummerċjali li jistgħu jinqalgħu fil-futur bejn l-entitajiet separati.
//= $special ?>