Analiżi dettaljata tal-aġenzija ta’ credit rating Fitch turi stampa mħallta dwar ir-realtà f’pajjiżna, bi tbassir ta’ rkupru ekonomiku moderat jitpatta minn tħassib dwar il-governanza u s-settur finanzjarju f’pajjiżna.
Dan intqal fi stqarrija tal-PN maħruġa mid-deputati Mario de Marco, Claudio Grech u Kristy Debono.
Filwaqt li l-Gvern ħareġ jirrimarka l-previżjoni li pajjiżna se jibda jirkupra mid-daqqa tal-pandemija mis-sena d-dieħla, grazzi b’mod partikolari għall-injezzjoni qawwi ta’ fondi Ewropej li mistennija jammontaw għal kważi 22% tal-ġid maħluq, ħeba għal kollox il-kritika li saret fuq aspetti ta’ governanza u s-saltna tad-dritt.
Il-PN qal li dan ir-rapport jikkonferma t-tħassib tal-Oppożizzjoni dwar il-fatt li bosta banek internazzjonali fl-aħħar snin, f’kuntest ta’ reputazzjoni mwegħra fis-settur finanzjarju, temmew ir-relazzjonijiet tagħhom ma’ dawk lokali, b’Fitch issostni li dan jista’ jkompli jnaffar l-investiment lejn pajjiżjna fis-settur finanzjarju u jħalli impatt fuq l-ekonomija lokali.
Fitch kellha kliem iebes, injorat għal kollox mill-Gvern, dwar dak li sejħet “deterjorament” fil-governanza ta’ pajjiżna, b’mod partikolari fl-indikaturi marbuta mal-korruzzjoni u l-kwalità regolatorja. Malta kompliet sejra lura wkoll fil-qasam tal-libertà tal-istampa, hekk kif l-aġenzija tikkwota rapport ta’ Reporters Without Borders li juri kif f’sena waħda biss, Malta niżlet mis-47 għall-81 post.
Aktar minn hekk, sostna l-PN, Fitch tesprimi t-tħassib simili għal dak tal-Oppożizzjoni, li l-ħruġ kontinwu ta’ aktar allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni qed ikomplu jnawru l-fiduċja f’pajjizna.
//= $special ?>