Lokali

Ian Borg juri li mhux lest iġorr ir-responsabbiltà mistennija minnu

Għaddiet ġimgħa mindu l-Qrati ta’ pajjiżna qalet bla tlaqtliq li ma temminx li l-Ministru Ian Borg ma kienx jaf li art li xtara bix-xejn biex jibni pool fuqha kien raġel bi problemi ta’ saħħa mentali, u sal-lum il-Ministru għadu ma ta ebda indikazzjoni li se jġorr ir-responsabbiltà politika għal aġir daqstant deplorabbli.

Net News staqsa lil Ian Borg meta se jiddeċiedi li jġorr ir-responsabbiltà mistennija minn persuna f’kariga bħal tiegħu, iżda bil-mod kif wieġeb Borg wera’ li hu determinat li ma jħallas l-ebda prezz.

Aktar kmieni matul il-jum, il-Prim Ministru wkoll kien skomdu jiddefendi l-aġir deplorabbli ta’ Borg, u farfarha billi qal li għad hemm lok għal appell. Xi ħaġa li ftit tal-ħin biss wara, il-Ministru stess ċaħad li seta’ jagħmel, għax ma kienx hu li fetaħ il-libell.

Il-Qorti ġimgħa ilu tat ċertifikat ikrah lil Borg meta pratikament qalet li hu kien jaf eżatt x’kien qed jagħmel meta akkwista art b’irħis ħafna mingħand raġel vulnerabbli.

Intant staqsejna wkoll lil Ian Borg jekk jaqbilx mal-eks Prim Ministru Joseph Muscat,li qal li l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kienet irrelevanti.

Intant, għax Borg ma ħax gost bil-mistoqsijiet ta’ Net News, għażel li jattaka lill-ġurnalista, u qallha li kieku kien għalih, ilu li keċċiha.