Internazzjonali

Il-Covid-19 fl-Istati Uniti: Il-parti kbira ta’ Kalifornja taħt lockdown ġdid li jibqa’ effettiv anki għall-Milied

L-Istat Amerikan ta’ Kalifornja, fil-parti kbira, jinsab taħt lockdown li jesiġi għall-miżuri mill-aktar stretti bil-għan li tonqos il-firxa qattiela tal-coronavirus qalb il-popolazzjoni.

L-awtoritajiet ta’ dan l-Istat iddeċidew li jieħdu dan il-pass drastiku meta l-infezzjonijiet bil-Covid-19 ħadu spinta ġdida —  u meta d-direttiva biex in-nies ma joħorġux minn djarhom qed taffettwa lil xi 85 fil-mija tal-40 miljun residenti ta’ Kalifornja.

Il-lockdown se jibqa’ effettiv għal talanqas tliet ġimgħat u għandu jkopri wkoll il-btajjel tal-Milied – b’ħafna negozji ta’ Kalifornja mhumiex se jiftħu. Fl-istess ħin ir-residenti tal-Istat se jkun projbiti milli jiltaqgħu man-nies minn barra l-familja.

L-Istat ta’ Kalifornja hu l-aktar Stat Amerikan li għandu popolazzjoni kbira, bil-kelliema lokali jtennu li r-restrizzjonijiet ġodda f’dan l-Istat qegħdin isiru minħabba li naqset il-kapaċità tal-isptarijiet biex jilqgħu pazjenti fil-bżonn ta’ kura intensiva minħabba l-effetti tal-virus.

Dan meta l-belt ta’ San Francisco ukoll tinsab taħt lockdown, bis-Sindku, London Breed, toħroġ numru ta’ miżuri separati fid-dawl tal-emerġenza tas-saħħa.

L-Istati Uniti, fil-jum tal-Ħadd, kellha rekord ta’ pazjenti morda bil-Covid-19 fl-isptarijiet madwar il-pajjiż. Dan meta splodew il-każi tal-coronavirus fost l-Amerikani f’dawn l-aħħar ġimgħat u bl-awtoritajiet jirrappurtaw ukoll żieda allarmanti fl-imwiet relatati.

L-aħħar spinta fl-infezzjonijiet x’aktarx li hi dovuta għall-festa ta’ Thanskgiving li kienet iċċelebrata jiem ilu fl-Istati Uniti u fejn miljuni ta’ Amerikani kienu vvjaġġaw lejn kull rokna tal-Istati Uniti.