Knisja Lokali

Il-politiċi għandhom sehem importanti fil-pajjiż – il-Kardinal Mario Grech

Hu ta’ unur għalija li nilqa’ fl-Uffiċċju tiegħi lill-Kardinal il-ġdid, li żgur se jkun qed jagħmel unur lil Għawdex u lil Malta fil-ħidma tiegħu.

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fl-ewwel laqgħa tiegħu mal-Kardinal Mario Grech, fid-Dar Ċentrali.

Filwaqt li awguralu għal din il-kariga prestiġjuża ġdida, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hu konvint li l-Kardinal Grech se jkun kapaċi jaqdi b’suċċess il-missjoni fdata lilu.

Min-naħa tiegħu, il-Kardinal il-ġdid irringrazzja lil Bernard Grech għall-merħba u l-awguri li tah. Hu sostna li ħass li kellu jibda l-ħidma tiegħu f’din il-kariga b’laqgħat mal-awtoritajiet ċivili tal-pajjiż għax jemmen li l-politiċi għandhom sehem importanti fil-ħajja ta’ din l-art ħelwa, li tatna isimha.

Qal li minkejja li issa se jkun residenti f’Ruma, f’qalbu se jibqa’ post partikolari għall-gżejjer tagħna għax hu grat għal dak li rċieva minn pajjiżna.

Matul il-jum, il-Kardinal Mario Grech kellu diversi laqgħat oħrajn, fosthom ukoll mal-President tar-Repubblika George Vella u s-Sinjura Vella fil-Palazz ta’ San Anton.