Internazzjonali

Iran: Ix-xjenzat nukleari spiċċa maqtul ‘b’machine-gun sofistikat’…

Kmandant tal-Qawwa Rivoluzzjonarja elitista tal-Iran qal li l-qtil tax-xjenzjat nukleari ewlieni, Mohsen Fakhrizadeh, twettaq b’tip sofistikat ta’ machine-gun li kien ‘ikkontrollat minn satellita’.

Fakhrizadeh, li kien fost l-aktar persuni strumentali fil-proġett nukleari tal-Iran, spiċċa maqtul waqt li kien qed jivvjaġġa bħala parti minn konvoj fil-limiti ta’ Tehran, fis-27 ta’ Novembru li għadda.

Sadanittant, il-Ġeneral Ali Fadavi, issa, żvela li l-qattiel tax-xjenzat uża machine-gun bil-kapaċità għal ‘artificial intelligence’ u li ‘kien sparat minn trakk’ fl-attakk partikulari. Hawnhekk ingħad li ‘l-assassin seta’ jinkwadra lix-xjenzat u joqtlu b’diversi tiri — u mingħajr ma jolqot lill-mara ta’ Fakhrizadeh, li kienet maġenbu’.

L-Iran qed iwaħħal f’Iżrael kif ukoll fi grupp tal-oppożizzjoni eżiljat bħala ‘il-protagonisti fil-qtil tax-xjenzat’. Intant, l-Iżraeljani la kkonfermaw u lanqas ċaħdu r-responsabbiltà f’dawn iċ-ċirkustanzi.

Il-qtil tax-xjenzat seħħ waqt li hu kien qiegħed f’karozza li kienet għaddejja mill-belt ta’ Absard u issa — wara li l-Iranjani kienu ħarġu b’diversi versjonijiet konfliġġenti fil-każ – il-Ġeneral Fadavi, bħala l-Viċi-Kmandant tal-Gwardja Rivoluzzjonarja, tkellem dwar ‘il-metodu speċjali’ li ntuża fil-qtil.

Fadavi saħaq ukoll li ma kien hemm l-ebda aggressuri preżenti fl-inħawi. Dan fost rapporti li kienu sparati 13-il tir mill-machine-gun u li erba’ balal laqtu lill-kap tas-sigurtà ma’ Fakhrizadeh meta hu ipprova jipproteġi lix-xjenzat.