F’dawn l-aħħar xhur ħajjet mart il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, AnnMarie Grech nqalbet ta’ taħt fuq…
Minn għalliema tal-Malti fi skola primarja spiċċat bdiet tgħallem online, bix-xhur ta’ wara kienu jfissru li terġa’ tirritorna l-iskola b’għadd ta’ restrizzjonijiet…
Minn omm u mart avukat illum hi mart il-Kap tal-Oppożizzjoni, fejn fost l-oħrajn f’nofs kampanja għal Kap tal-Partit Nazzjonalista, hi kellha tissakkar ġewwa għal jiem sħaħ ‘il bogħod minn kulhadd minħabba li kellha l-Coronavirus…
U ma jistax jonqos li l-ħajja ta’ familtha inbiddlet ukoll biex jaddattaw mal-impenji l-godda ta’ Bernard Grech bħala Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista.
Dan kollu hareg waqt intervista li saret ma’ mart il-Kap tal-Oppożizzjoni, AnnMarie Grech mar-rivista Sunday Circle – artiklu li fih giet intervistata wkoll mart il-Prim Ministru, Lydia Abela, fejn tkellmu dwar ħajjithom u l-irwol importanti li jhaddnu.
F’din l-intervista, AnnMarie Grech qalet li l-pandemija ġabet ħafna sfidi, u waħda mill-ikbar sfidi li ftit qed jirrikonoxxu, hi dik tas-solitudni.
Hi qalet li huma ħafna dawk li qed jħossuhom weħidhom, kemm anzjani li ilhom ma jaraw u jħaddnu magħhom lill-qraba tagħhom għal xhur sħaħ, u saħansitra tfal u żgħażagħ li jħossuhom li m’hemm ħadd li jifimhom.
Mart il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qalet li b’mod speċjali f’dan iż-żmien tal-Milied, minkejja li hu diffiċli li wieħed jiltaqa’ fiżikalment, wieħed għandu jżomm kuntatt permezz tat-teknoloġija biex ħadd ma jħossu abbandunat – specjalment l-anzjani.

