Lokali

U-turn oħra minn Robert Abela

U-turn wara l-oħra mill-Prim Ministru Robert Abela, issa dwar jekk fil-verità aħniex qed ngħixu f’normalità. Għax filli jgħid li qed ngħixu f’normalità, ġieli fi kważi normalità u issa li mhux se jkollna normalità sħiħa.

U dan f’temp ta’ 24 siegħa biss … mill-attività politika li ndirizza l-Ħadd f’Marsaxlokk sal-għada t-Tnejn.

L-inkonsistenza fi kliem il-Prim Ministru qed tħalli lill-poplu f’aktar inċertezza … partikolarment ftit jiem qabel il-Festi tal-Milied, li tradizzjonalment huma okkażjoni biex il-familji u l-ħbieb jiltaqgħu.

Iżda fiċ-ċirkostanzi attwali, bl-Awtoritajiet tas-Saħħa jappellaw biex – kemm hu possibbli – din is-sena l-familji ma jitħalltux, Robert Abela qed jagħżel li jħalli lil kulħadd fil-limbu … bil-verżjonijiet tiegħu jvarjaw minn diskors għall-ieħor.

In-nuqqas kontinwu ta’ pożizzjoni ċara mill-Prim Ministru qed ifakkar lil kulħadd fil-mod kif qabel is-Sajf li għadda, ħeġġeġ lil kulħadd biex igawdi s-Sajf għax, skont hu, il-mewġ kien fil-baħar.

Iżda filwaqt li qabel dawk id-dikjarazzjonijiet, il-każi attivi kienu niżlu għal qrib iz-zero, minn dakinhar sal-lum, il-każi attivi saħansitra qabżu l-2,000.