Lokali

“Uliedna ġew abbandunati” – l-iskola Thi Lakin se tagħlaq

“Uliedna ġew abbandunati, ma nafux x’ser nagħmlu…din l-aħbar ġiet fuqna bħal sajjetta fil-bnazzi.”

Kienu dawn il-kummenti li taw lil Net News numru ta’ ġenituri li uliedhom jattendu l-iskola ta’ Thi Lakin f’Ħ’Attard, wara li fl-aħħar jiem ingħataw l-aħbar mit-tmexxija tal-iskola li l-istess skola ser tagħlaq il-bibien tagħha darba għal dejjem f’Ġunju li ġej.

Huma saħqu li huma jinsabu konxji li fil-futur uliedhom kellhom isibu skola oħra minħabba l-fatt li Thi Lakin hija skola li tilqa’ fi ħdanha studenti sas-sitt sena, madanakollu issa f’ħoġorhom għandhom sitwazzjoni ferm diffiċli biex isibu skola li tilqa’ lil uliedhom.

Omm mnikkta spjegat ma’ Net News li s-sitwazzjoni preżenti tal-pandemija xeħtet pressjoni fuq il-familja tagħha… u din l-aħbar żiedet b’mod sostanzjali il-piż fuqhom.

Oħrajn fuq il-midja soċjali saħqu li din is-sitwazzjoni mhux biss toħloq pressjoni fuq il-ġenituri iżda, inevitabbilment, ankè fuq uliedhom.

https://www.facebook.com/lifeofmumD/posts/833906484056177?cft[0]=AZXSF-CLNtMtCiX9WfgbyYIwgNqYEHlZe793zgaxa4adNQLZ1o1hm5LI7m9TsOD3TwZxHY8ArkRHpB48VtZv4pCxKqeBZX6Nrx9R1vwGDHDYmfE1tH5Ud58Zamm8bt1D1AWkttRa4tQxX8Nov5A-ZMSn&tn=%2CO%2CP-R

Net News tkellem mal-Kap tal-Iskola li saħqet bħal dejjem tat dak kollu li kellha sabiex ġabet l-interessi tal-istudenti għal dawn l-aħħar 30 sena. Hija saħqet li din l-aħbar niktet lilha wkoll għaliex minkejja li għamlet minn kollox biex is-sitwazzjoni ma tasalx s’hawnhekk, sfortunatament l-għajta tagħha biss ma kienetx biżżejjed.

Intant, skont informazzjoni fuq is-sit tal-Awtorità tal-Ippjanar, qed jiġi propost sabiex il-binja tal-iskola titwaqqa’ sabiex jiġu mibnija 3 sulari appartamenti u 39 garaxx.