Angela Agius, persuna nieqsa mis-smiegħ li taħdem favur persuni oħrajn b’diżabilità, hija r-rebbieħa tal-Premju Soċjetà Ġusta.
Waqt is-sereta li fiha kienu ċċelebrati l-kisbiet ta’ individwi u organizzazzjonijiet li jappoġġjaw kultura ta’ iżjed drittijiet għall-persuni b’diżabilità, il-President ta’ Malta George Vella appella biex il-persuni kollha b’diżabilità jsiru verament membri indaqs tas-soċjetà
George Vella tkellem dwar il-bżonn li verament naslu biex nilħqu l-għan li l-persuni b’diżabilità jsiru membri indaqs tas-soċjetà bla ebda distinzjoni, tkun xi tkun id-diżabilità tagħhom.
Il-President appella biex l-istrutturi politiċi u demokratiċi joħolqu l-ispazju kollu meħtieġ sabiex il-persuni b’diżabilità jilħqu l-potenzjal professjonali u ċiviku tagħhom. Hu qal li permezz tat-talenti uniċi u l-valur miżjud li jġibu magħhom nies b’abbiltajiet differenti fuq il-post tax-xogħol u f’ attivitajiet oħrajn, il-pajjiż ikompli jiżżewwaq b’ħiliet u professjonisti varji.
Waqt id-diskors tiegħu, il-President irringrazzja lill-professjonisti u l-ħaddiema kollha li jaħdmu fl-Aġenzija Sapport u li, flimkien mal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, qed ikomplu jistinkaw biex il-persuni b’diżabilità jingħataw id-dinjità u ikunu ċittadini ugwali u parteċipi fid-deċiżjonijiet tal-pajjiż.
Meta ta ħarsa lura lejn is-sena 2020 George Vella semma’ kif f’dawn l-aħħar xhur il-persuni b’diżabilità u qrabathom kienu qed jgħaddu minn sfidi akbar mill-bqija tal-popolazzjoni.
Huwa saħaq li l-koperazzjoni bejn l-entitajiet governattivi u professjonisti oħra hija strumentali dejjem, iżda fi żminijiet bħal dawn għandha importanza aktar ċentrali biex verament ikollna soċjetà inklussiva u aktar ġusta.