Aħbar ta’ nieket mill-Munxar Għawdex hekk kif raġel ta’ 63 sena, Mario Grima, tilef ħajtu traġikament it-Tnejn wara li nqaleb bit-tractor fl-għalqa tiegħu, fi Triq Ras il-Bajjada fiz-zona magħrufa bħala Tal-Qsajjem bejn il-Munxar u x-Xlendi.
Il-kelliema tal-Pulizija kkonfermaw magħna dan l-inċident u qalulna li dan il-każ seħħ it-Tnejn u mill-informazzjoni li kiseb Net News jidher li Mario nstab fid-9 ta’ bil-lejl fl-għalqa tiegħu, wara li sar rapport għax ma kienx irritorna d-dar.
Mario Grima kien deskritt bħala persuna maħbub sew f’dan ir-raħal ċkejken Għawdxi. Fil-paġna tal-Pawlini Munxarin intqal li Mario kien parruċċan kbir li jinteressa ruħu ferm fil-festa, speċjalment fejn jidħol il-logħob tan-nar.
Intqal li Mario kien ikun minn tal-ewwel biex sena wara oħra jagħti d-donazzjonijiet tiegħu u jgħin b’ruħu u ġismu fil-ħruq tal-logħob tan-nar.
Il-Maġistrat tal-Għassa Bridgette Sultana ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta bl-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin